Internazzjonali

It-traġedja tal-Hajj ‘ma setgħetx tkun ikkontrollata’

Il-Mexxej reliġjuż ewlieni tal-Arabja Sawdija qal li l-ebda bniedem jew awtorità ma setgħu jikkontrollaw il-konsegwenzi traġiċi ta’ nhar il-Ħamis fejn tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 700 devot Musulman waqt il-pellegrinaġġ annwali tal-Hajj.

Minbarra mejtin, indarbu mijiet kbar oħra ta’ Musulmani fir-rassa u l-kaos sussegwenti f’Mina, fil-limiti ta’ Mecca. Dan kien l-aktar inċident qattiel li qatt inqala’ waqt il-Hajj tul l-aħħar 25 sena, bl-Iran u pajjiżi oħra jikkritikaw lill-awtoritajiet Sawdi dwar il-miżuri tas-sigurtà fl-inħawi. L-akbar numru ta’ vittmi fit-traġedja ġejjin mill-Iran, bl-aħħar statistika tiżvela li mietu talanqas 131 Iranjan fir-rassa.

Madankollu, il-Mufti ewlieni tas-Sawdi, Abdul Aziz bin Abdullah al-Sheikh informa lill-Prinċep Mohammed bin Nayef, li hu l-Ministru tal-Intern tal-Arabja Sawdija, li hu ma kellux iġorr responsabbiltà ‘għal traġedja li kienet frott id-destin’.

Il-pellegrinaġġ tal-Hajj, bħalissa, riesaq lejn it-tmiem u ma kienu rappurtati l-ebda inċidenti serji oħra.