Internazzjonali

L-Istati Uniti u ċ-Ċina fi qbil kontra abbuż ċibernetiku

Il-President Amerikan Barack Obama u l-President taċ-Ċina, Xi Jinping, se jieħdu passi ġodda biex jindirizzaw ir-reati fil-qasam taċ-ċibernetika.

L-istqarrija ħarġet waqt żjara ta’ Jinping fl-Istati Uniti u meta l-Mexxejja tkellmu waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-White House, Obama spjega li hu u l-President Ċiniż qablu li l-ebda pajjiż m’għandu jkun involut fi spjunaġġ ekonomiku bil-mezzi ċibernetiċi.

Il-ftehim ikopri s-serq ta’ sigrieti kummerċjali iżda mhux tagħrif relatat mas-sigurtà nazzjonali. Madankollu, il-President Obama wissa li żieda fl-allegati reati ċibernetiċi miċ-Ċina kontra l-interessi Amerikani jirriżultaw fis-sanzjonijiet minn Washington.

Min-naħa tiegħu, il-President Ċiniż wiegħed ukoll li jillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet greenhouse.