Lokali

Transport Malta titlob informazzjoni dwar vetturi affetwati mill-iskandlu Volkswagen

Transport Malta għamlet kuntatt mal-importaturi tal-vetturi tad-ditta Volkswagen u talbet informazzjoni uffiċjali dwar il-vetturi li jistgħu ikunu affetwati mill-iskandlu tal-emissjonijiet tal-vetturi Volkswagen.

Fi stqarrija, Transport Malta qalet li din l-informazzjoni qed tintalab sabiex isiru t-testijiet meħtieġa. L-Awtorita’ qed issegwi mill-qrib il-każ u l-pass ‘il quddiem ikun skont il-prassi stabbilita fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Madwar 11-il miljun vettura tal-Grupp Volkswagen (li jinkludi vetturi tad-ditti Audi, Seat u Skoda) mgħammra b’magni diesel Euro 5 huma maħsuba li għandhom software li jaħbi l-livell reali ta’ emissjonijiet. Ħames miljuni minn dawn il-vetturi huma karozzi tal-passiġġieri mgħammra b’magni ta’ 1.2, 1.6 u 2 litri diesel.