L-istrajk fis-servizz tat-trasport pubbliku mitlub mill-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-Malta Public Transport kien fiċ-ċentru tal-editorjal tal-ġurnal The Times of Malta fil-ħarġa tal-lum. L-editorjal jgħid li l-Malta Public Trasport għadha qed tipprova ssib saqajha biex tipprova toffri servizz li b’xi mod jista’ jiġġustifika s-sussidju annwali ta’ 30 miljun ewro li tirċievi. Fost il-fallimenti li jirreferi għalihom l-editorjal hemm l-introduzzjoni ta’ Tal-Linja Card.
L-editorjal ikompli jgħid li l-poplu għandu jistenna li l-Malta Public Transport twettaq dak li wegħdet iżda, biex isir dan, il-Ministru tat-Trasport għandu jippubblika l-kuntratt li ffirma mal-kumpanija Autobuses de Leon. “Issa wasal iż-żmien li dan il-kuntratt ikun ippubblikat” jisħaq il-ġurnal Times of Malta.
L-editorjal ifakkar li Joe Mizzi kien wiegħed li jpoġġi dan il-kuntratt fuq il-mejda tal-Parlament iżda mbagħad reġa’ bdielu. Wara li kien ippressat mill-Oppożizzjoni, Mizzi qal li mhux se jippubblika dan il-kuntratt.
Intant fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista l-bieraħ ix-Shadow Minister għat-Trasport Marthese Portelli saħqet li huwa inaċċettabbli li sal-lum ħadd ma jaf x’fih il-kuntratt li l-Ministru Mizzi ffirma mal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon.
//= $special ?>