Lokali

Għaddejja ġmielha l-Maratona Ġbir ta’ Fondi għal NET HD

Għaddejja ġmielha l-Maratona biex jingabru fondi għall-proġett ta’ NET HD. Permezz ta’ dan il-proġett, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jikkonverti l-istazzjon televiżiv f’High Definition. Dan il-proġett mhux qed isir b’kapriċċ, iżda hu investiment meħtieġ. Permezz tiegħu, NET Television ikun jista’ jaġġorna l-apparat tiegħu għal HD minn dak antik u li m’għadux joffri l-aħjar kwalità.

Għal dan il-għan, fuq Radio 101, bħalissa għaddejja Maratona ta’ 52 siegħa mill-preżentatriċi Manila Bottone. Minn ħin għall-ieħor, qed jingħaqdu magħha numru ta’ preżentaturi, kif ukoll Deputati, Kandidati u Uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Il-Maratona fuq Radio 101 tispiċċa l-Ħadd f’nofsillejl.

Min-naħa l-oħra, fuq NET Television saret edizzjoni oħra ta’ “Sfida NET”, li issa saret parti mill-kalendarju tal-attivitajiet ta’ NET Television. “Sfida NET” żamm il-format tas-snin li ghaddew, b’numru ta’ personalitajiet jingħalqu fi studio u jgħixu flimkien.

Il-parteċipanti ta’ din is-sena kienu Robert Cremona, Lisa Spiteri, Clarissa Ellul, James Xuereb, Fabian Scerri De Carlo, Jerome Caruana Cilia, Charmaine Parnis u Maxine Pace. Sfida NET bdiet fis-6pm tal-Ġimgħa filgħaxija u intemmet dalgħodu fejn mbgħad ingħata bidu għal maratona ġbir ta’ fondi b’risq NET HD.