Lokali

Il-Mument tiżvela kif in-negozju tad-droga fil-ħabs huwa organizzat bl-aktar mod fin

Minkejja li Carmelo Abela, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, kif ukoll il-Gvern Laburista jippruvaw jagħtu l-impressjoni li s-sitwazzjoni tal-abbuż tad-droga fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hi taħt kontroll, il-verità tibqa’ li qatt daqs illum ma hemm droga fl-istess Faċilità.

Il-gazzetta Il-Mument illum tiżvela li sorsi li tkellmu magħha fissru li konferma ta’ dan l-istat ta’ fatt hu li meta jsiru t-testijiet tal-urina, ir-riżultati jindikaw volum qawwi ta’ priġunieri li jkunu qed jabbużaw mid-droga.

Hu fatt li ħadd ma jista’ jmerih li t-Tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed issibha diffiċli ħafna ħafna biex tikkontrolla l-abbuż tad-droga fil-Ħabs, bl-istess tmexxija ftit li xejn qed tkun effettiva fil-ġlieda tagħha kontra l-abbuż tad-droga.

Is-sorsi spjegaw li ġewwa l-Ħabs jafu tajjeb kif qed tiddaħħal id-droga, iżda għal xi raġuni xorta hemm ineffiċjenza kbira fil-ġlieda kontra dan l-abbuż.

Fil-binja tal-Ħabs in-negozju tad-droga hu regolari u organizzat b’mod fin ħafna. Jirriżulta li min imexxi d-droga jaqsam id-droga f’volum ferm iżgħar minn meta tkun negozjata barra l-Ħabs.

Għal kull pakkett droga ġeneralment jintalab ħlas ta’ €10. Dawn jitħallsu billi min ikun biegħ id-droga jibgħat persuna terza għand persuna terza li tkun tiġi mill-priġunier li jkun irċieva d-droga u hekk il-flus jgħaddu minn id għall-oħra barra l-Ħabs. Jirriżulta li bosta drabi l-ħlas ma jsirx għal kull pakkett droga li jkun inbiegħ, iżda jsir billi jinġabru ħames jew għaxar darbiet ta’ pakketti u hekk min jitħallas jingħata €50 jew €100.

Mistoqsija dwar kif qed tiddaħħal id-droga fil-Ħabs, is-sorsi ta’ il-mument spjegaw li żewġ metodi prinċipali għal dan l-abbuż huma: l-ewwel id-droga tiddaħħal minn persuni li qed jintbagħtu jaħdmu fil-komunità. Mhux il-priġunieri kollha li jintbagħtu jaħdmu barra jabbużaw, iżda hemm fosthom min qiegħed idaħħal id-droga fil-Ħabs billi qabel ma jidħol lura, idaħħal il-pakkett mgħoddi lilu fil-warrani u għalhekk meta ssirlu t-tfittxija biex jidħol lura ma jinstab xejn fid-deher fuqu.

It-tieni d-droga qed tiddaħħal ukoll f’okkażjonijiet ta’ kuntatti personali. Fil-Ħabs hemm kmamar apposta biex il-priġunieri – waħidhom u mingħajr sorveljanza ta’ xejn – ikollhom kuntatt personali mar-raġel, is-sieħeb, il-mara jew mas-sieħba tagħhom. Hu fatt li f’ċerti okkażjonijiet minn dawn iż-żjarat ta’ kuntatt, id-droga tgħaddi minn persuna għall-oħra billi d-droga tinħeba fil-partijiet intimi.

Mistoqsija dwar il-fatt li l-Gvern preżenti kemm-il darba ftaħar dwar il-klieb ġodda mħarrġa kontra d-droga li introduċa fil-Faċilità għadd ta’ xhur ilu, qalu li safejn jafu huma ma kienx hemm każ wieħed ta’ droga maqbuda fil-Ħabs grazzi għal dawn il-klieb.

L-istess sorsi dwar dan temmew li kemm-il darba t-tmexxija tal-Ħabs trid tassew tindirizza din il-problema tal-abbuż tad-droga tista’ tirrikorri għal ċerti miżuri iebsa li tassew ikunu effettivi fil-ġlieda kontra d-droga meta fil-Ħabs hemm sitwazzjoni fejn wieħed isib id-droga b’ħafna aktar faċilità milli kieku jkollu jfittixha ‘l barra mill-Ħabs. Filwaqt li kulħadd jippretendi li l-Ħabs ikun ħieles mid-droga u li l-priġunieri qed jinżammu f’ambjent ħieles mill-periklu tad-droga u ħieles mit-tentazzjoni tal-abbuż, ix-xenarju hu kompletament bil-maqlub.