Lokali

Il-PN lest jieħu passi għal inkjesta dwar l-iskandlu tal-permessi ta’ residenzi

L-iskandlu żvelat s’issa hu biss the ‘tip of the iceberg’

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil dalgħodu sostna li l-PN lest jieħu l-passi meħtieġa biex il-gvern jagħmel inkjesta indipendenti dwar l-iskandlu tal-ħruġ illegali ta’ visas u permessi ta’ residenzi li nħarġu minn Identity Malta.

Simon Busuttil għamel din id-dikjarazzjoni meta ftit ħin ilu kien qed jitkellem fil-maratona ġbir ta’ fondi għal NET HD fid-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pietà.

Simon Busuttil qal li minkejja l-kobor u l-gravità ta’ dan l-iskandlu, il-gvern qed jibqa’ jirrifjuta li jagħmel inkjesta indipendenti. Dan minkejja li fl-2014 Identity Malta ħarġet iktar minn 14,000 permess ta’ residenza.

Dan hu biss ftit mill-kobor ta’ dan l-iskandlu, sostna Simon Busuttil, li kompla li dan hu skandlu ta’ frodi, tixħim u korruzzjoni. Minn x’hix qed jibża l-gvern biex ma jridx jagħmel inkjesta indipendenti staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil tkellem dwar is-sitwazzjoni politika u qal li l-poplu ma ħax il-bidla li vvota għaliha fl-aħħar elezzjoni u li għalhekk il-PN hu mpenjat li jkun hu bħala partit li joffri l-alternattivi u l-proposti li l-poplu jrid jara jitwettqu f’dan il-pajjiż.

Il-Kap tal-PN qal li l-poplu qed jinduna bl-ingann tal-PL li mill-Oppożizzjoni wiegħed mod u mill-gvern qed jagħmel mod ieħor. Hu esprima fiduċja li fl-elezzjoni ġenerali li ġejja l-PN jista’ jerġa’ jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu.

Dwar il-maratona ġbir ta’ fondi, il-Kap tal-PN qal li l-investiment li l-PN qed jagħmel f’NET HD hu investiment meħtieġ mhux biss fl-aspett tekniku tal-istazzjon televiżiv iżda wkoll biex permezz tiegħu l-PN ikun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu bħala Oppożizzjoni. Dan wara li l-PBS irritorna għal dak li kien Xandir Malta fil-passat u qed isemma biss dak li jrid il-gvern u l-PL.