L-Immigrazzjoni, il-Baġit, it-traffiku u l-iffrizar tal-Embrijuni kienu fost it-temi li dwarhom tkellem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat f’intervista rrekordjata fuq l-istazzjon tat-televiżjoni Laburista.
Hekk kif għada jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel u magħhom ikompli jiżdied it-traffiku, Joseph Muscat qal li hemm impenn sabiex ikun hemm ko-ordinazzjoni aħjar fit-toroq. Hu qal li m’hemmx soluzzjoni maġika iżda miżuri li jistgħu itaffu din il-problema huma li jkun inkoraġġut it-trasport kollettiv, iktar infrastrattura tat-toroq u dixxiplina fit-toroq mis-sewwieqa.
Dwar l-immigrazzjoni, Muscat qal li din il-problema teħtieġ risposta Ewropea. Hu qal li l-bini ta’ ħajt hu lussu li pajjiżi bħal Malta, l-Italja u l-Greċja m’għandhomx. Għal dawn il-pajjiżi id-deċiżjoni mhux jekk iħallux l-immigranti jidħlu jew le, iżda jekk isalvawhomx jew iħalluhom jegħrqu.
Mistoqsi dwar il-Baġit, il-Prim Ministru qal li dan il-Baġit se jkun wieħed realistiku li mhux se jkollu sorpriżi, fejn il-Gvern se jagħti rendikont tal-ekonomija u se jibqa’ jżomm ir-riedni fuqha. Hu qal li hemm bżonn iktar impenn sabiex titjieb l-infrastruttura ġenerali tal-pajjiż fejn qed jidher ċar li dik eżistenti f’bosta oqsma: it-toroq, l-indafa, id-drenaġġ u l-ġbir tal-iskart, mhux qed tlaħħaq.
Dwar l-iffriżar tal-embrijuni, Joseph Muscat qal li hu jemmen li għandu jsir dak kollu possibbli sabiex jagħmilha iktar faċli biex persuni jkollhom it-tfal. Hu qal li ma qabilx mal-argumenti li ppreżentaw iż-żagħżagħ iktar kmieni din il-ġimgħa waqt il-parlament taż-żagħżagħ u ddeskriviehom bħala konservattivi.
//= $special ?>