Messaġġ qawwi mil-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil dwar il-valuri li għandhom iwettqu l-politici li jagħżlu li jservu lill-pajjiz.
F’intervista ma’ The Sunday Times of Malta, Simon Busuttil jwiegħed li mill-Gvern bħala Prim Ministru hu jelimina l-klijentaliżmu, jipproteġi l-interessi taċ-ċittadini u jintroduċi livelli Ewropej ta’ kwalita biex jieħdu post il-medjokritka u s-sistemi korrotti li ħakmu lill-pajjiż.
Ma’ The Sunday Times, il-Kap tal-PN jsostni li trid tispiċċa l-idea li l-poplu jrid jittallab lill-politiċi biex jieħu dak li hu tiegħu bi dritt u jiddikjara li hu jkun Prim Ministru għaliex hu persuna li ma jinxtarax.
Jeħtieġ, isostni Simon Busuttil, li l-pajjiż jitlaq mill-idea li nkunu sempliċi membri tal-UE iżda rridu nkunu poplu li naddottaw il-mentalita Ewropea.
Il-Kap tal-PN jikkritika l-politika attwata mill-Prim Ministru Joseph Muscat u jsostni li Joseph Muscat ħa lill-pajjiż lura u qed jimplimenta mentalita li hi kontra l-valuri Ewropej fejn qed jiddomina l-egoiżmu, il-klijentelizmu u l-medjokrita.
Kif diġa ħabbar fl-aħħar ġimgħat, il-PN issa beda l-proċess li jfassal u jippubblika l-proposti tiegħu bħala gvern alternattiv. Dwar dan il-Kap tal-PN isostni li mill-gvern, il-PN joħloq Ministeru għad-Drittijiet taċ-Ċittadini biex jassigura li ċ-ċittadin ma jkollux ħtieġa jmur minn ministeru għall-ieħor meta jħoss li d-drittijiet tiegħu qed ikunu miċħuda u mittiefsa. Din il-proposta se tkun qed issir f’pakkett ta’ proposti li għandhom l-iskop li jnaddfu l-politika Maltija.
Simon Busuttil jikkritika lill-Gvern Laburista dwar l-iskandli li qed iwettaq fosthom fil-ħruġ ta’ eluf ta’ permessi ta’ residenzi minn Identity Malta. Il-Kap tal-PN jsostni li dan hu skandlu li r-responsabbilta għalih taqa f’ħoġor il-Gvern Laburista għaliex kien hu li ħoloq Identity Malta.
//= $special ?>