Kultura Lokali Mużika

Żminijiet diffiċli għall-Orkestra Nazzjonali

Is-sitwazzjoni fl-Orkestra Filarmonika ta’ Malta qegħda tiġi deskritta minn ħafna bħala kaotika fejn l-id ix-xellugija ma tafx x’inhi tagħmel l-id il-leminija.

Sorsi qrib l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta li tkellmu ma’ il-mument saħqu li l-inkwiet beda sa mill-ewwel jiem tat-tmexxija ta’ Sigmund Mifsud bħala Chairman tal-Bord tad-Diretturi.
Sigmund Mifsud, li kien kandidat tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, kien kurunettista mal-istess orkestra qabel ma nħatar fil-kariga mill-Gvern Laburista. Sigmund Mifsud m’għandu ebda forma ta’ taħriġ ieħor għajr dak mużikali.

L-istess sorsi qalu lil il-mument li din in-nuqqas ta’ esperjenza u ħila qegħda tirrifletti f’numru ta’ deċiżjonijiet żbaljati li Sigmund Mifsud qiegħed jieħu b’mod ripettut.

“Anke l-għażla ta’ Sigmund Mifsud li jagħti lilu nnifsu l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv flimkien ma’ dik ta’ Chairman tal-Bord tad-Diretturi hi turija ta’ tmexxija skoretta,” saħqet persuna li tkellem ma’ il-mument. L-istess persuna saħqet li dawn iż-żewġ karigi flimkien juru li Sigmund Mifsud ftit li xejn jagħti importanza lill-konflitti ta’ interess.

Il-problemi bit-tmexxija ta’ Sigmund Mifsud wasslu saħansitra biex numru kbir ta’ membri tal-istaff amministrattiv fi ħdan l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta telqu mill-post.

Kemm ilu jmexxi Sigmund Mifsud, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Sarah Spiteri, Gerard Fenech, Jennifer Micallef, Christopher Buttigieg, Frederick Zammit, Pauline McKay, Fiorella Gerada, is-Surmast Christopher Muscat u Elizabeth Micallef kollha telqu mill-ħidma fi ħdan l-Orkestra biex b’hekk prattikament telaq l-istaff amministrattiv kollu. Uħud kienu ilhom snin jagħtu servizz fi ħdan l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Anke żewġ membri tal-Bord sabu ruħhom kostretti jħallu l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta hekk kif Maria Frendo u Paul Abela ma kellhom l-ebda għażla oħra għajr li jirriżenjaw mill-pożizzjoni li kellhom.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument saħqu li Sigmund Mifsud kostantament jagħżel li jmexxi għal rasu.

Sadattant il-mument jista’ jkompli jiżvela li fi ħdan il-Ministeru tal-Kultura, immexxi mill-Ministru Owen Bonnici, hemm tħassib kbir dwar it-tmexxija tas-Surmast Sigmund Mifsud iżda minħabba li hu kien kandidat tal-Partit Laburista hemm tħassib dwar kemm hu possibbli li jitneħħa mill-kariga li qed jokkupa. Jidher li anke fi ħdan l-istess Ministeru hemm opinjonijiet diversi tant li hemm uħud, meqjusa bħal tal-qalba nett fi ħdan il-Partit Laburista, li qegħdin jaqbżu għal Sigmund Mifsud b’saħħa u forza.

Fl-aħħar xhur anke l-aktar kritiċi ottimisti u ta’ reputazzjoni tajba, bħal per eżempju Albert Storace, għażlu li pubblikament jesprimu kritika dwar ċerti performances mill-istess Orkestra.

Osservaturi tax-xena kulturali li tkellmu magħna saħqu li “tkun ferm ħasra jekk minħabba tmexxija fqira jintilef ix-xogħol li sar taħt iż-żewġ Chairmen preċidenti – Lino Attard u James Scerri Worley – li b’tant dedikazzjoni u impenn tejbu bil-qabda l-kwalità tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.”