Jidher li Spanja riesqa lejn żminijiet imqallba wara l-vot tal-Ħadd fir-reġjun tal-Katalonja.
Il-vot kien għall-Parlament lokali imma l-partiti favur l-indipendenza qalu li jekk jirbħu, kienu se jiddikjaraw l-indipendenza mill-bqija ta’ Spanja fi żmien 18-il xahar.
Fil-vot, filwaqt li l-partiti varji favur l-indipendenza rebħu l-maġġoranza fil-Parlament – 72 siġġu mill-135 li hemm fil-Parlament tar-reġjun tal-Katalonja – huma kisbu 47.8 fil-mija tal-voti.
Iżda l-vot kien ukoll ambigwu, kemm f’kif se jitqassmu s-siġġijiet, kif ukoll minħabba r-rettorika tal-kampanja elettorali.
Il-Gvern Spanjol, filwaqt li saħaq li kien kontra pass simili, qal li l-indipendenza ma kellhiex l-appoġġ tal-maġġoranza tal-poplu tal-Katalonja. Dan minbarra li ilu jgħid li xi ħaġa bħal din trid tkun deċiża mill-poplu Spanjol kollu.
Iżda Artur Mas, il-President tar-reġjun u li mexxa l-kampanja favur l-indipendenza, stqarr li l-poplu kien ivvota għal dan il-pass storiku. Mas qal li issa kellhom maġġoranza ċara biex il-Parlament Katalan jimxi ’l quddiem bl-indipendenza.
Dan kollu fl-isfond li f’Diċembru fi Spanja se ssir l-elezzjoni ġenerali.
Lejn żminijiet imqallba għal Spanja
