Sena skolastika ġdida mimlija sfidi u esperjenzi sbieħ

Hekk kif għall-maġġoranza kbira tal-istudenti, llum hija l-ewwel ġurnata tas-sena skolastika ġdida, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jawgura sena mimlija suċċess kemm għall-istudenti, kif ukoll għall-ġenituri u l-għalliema.

Fil-kummenti tagħha, ix-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u l-Impjiegi Therese Comodini Cachia qalet, “kull bidu tas-sena skolastika tfisser sfidi ġodda, kemm għall-għalliema, kif ukoll għall-istudenti u għall-ġenituri, iżda flimkien b’rispett lejn xultin u b’enfasi fuq it-tagħlim tal-istudent, żgur li se tkun sena li tkompli twassal lill-istudenti dejjem eqred lejn l-aspirazzjonijiet tagħhom.”

Hi awgurat lill-għalliema li jkollhom sena skolastika mimlija opportunitajiet biex jiffaċilitaw l-għarfien tal-istudenti. F’dawn id-dawl, Therese Comodini Cachia qalet li għandhom jiġu ndirizzati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema sabiex ikunu f’pożizzjoni aħjar biex iwettqu l-professjoni tagħhom.

Bħala omm, hi qalet “il-bidu tas-sena skolasika ġġib ukoll magħha rutina differenti għall-ġenituri biex isegwu lil uliedhom fil-mixja skolastika tagħhom. Filwaqt li għall-istudenti, llum kienet ġurnata fejn irritornaw għall-istudju formali, il-ġurnata tal-lum tfisser ukoll għalliema, klassi u anke kollegi ġodda.”

Minn naħa tiegħu, l-Kelliem tal-Edukazzjoni Obbligatorja George Pullicino qal li s-sena skolastika għandha ġġib magħha tibdil fil-mod kif is-settur tal-edukazzjoni jkun amministrat f’pajjiżna. “Id-deċiżjonijiet fis-settur tal-edukazzjoni qed jittieħdu bla ħsieb fit-tul, bil-biċċiet u jinbidlu mil-lum għall-għada. L-edukazzjoni f’pajjiżna saret bħal dgħajsa bla qlugħ u fejn jonfoħ ir-riħ, timxi d-dgħajsa. Aħna nemmnu li uliedna jixirqilhom aħjar, l-għalliema jixirqilhom aħjar u l-ġenituri jixirqilhom aħjar,” qal George Pullicino.

Hu sostna li l-Gvern ma jistax ikompli jbaxxi l-istandards fl-edukazzjoni bħalma diġa’ għamel bl-Avviż Legali 150 li bih baxxa l-istandards tal-Universita’. Għal darb’oħra, l-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex jimplimenta l-wegħda li permezz tagħha, t-tfal kollha jkollhom iċ-ċans li jiggwadanjaw mis-servizz taċ-Child Care Centres, u mhux biss dawk li għandhom il-ġenituri tagħhom jaħdmu.