L-Unjoni Ewropea ssospendiet il-proċessi kompetittivi kollha għal xogħol magħha wara deċiżjoni tal-qrati l-ġimgħa li għaddiet.
Il-proċess kien sospiż sakemm l-avukati tal-UE jeżaminaw il-verdett mill-Qorti tal-UE. Verdett li fih kien deċiż li l-EPSO, l-uffiċċju għar-reklutaġġ tal-Kummissjoni Ewropea, kien qed jiddiskrimina meta jitlob lil dawk li japplikaw għall-impjiegi biex jużaw l-Ingliż, il-Ġermaniż jew il-Franċiż.
Intqal li min japplika għandu jkun ħieles li juża waħda mit-23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-korrispondenza tiegħu u bħala t-tieni lingwa fil-karti tal-eżami tal-EPSO. Il-Qorti qalet li l-proċess kif kien s’issa kien qed jiddiskrimina għaliex jagħti vantaġġ biss lil dawk li jafu waħda minn dawn it-tliet lingwi.
Issa l-Kummissjoni tista’ tappella imma jekk le, ikollha tbiddel ir-regoli biex il-proċeduri jkunu japplikaw fil-lingwi kollha uffiċjali tal-UE.
Il-każ infetaħ mill-Italja u Spanja minħabba tliet kompetizzjonijiet għal impjiegi fl-2012 u l-2013.
Sospiżi l-applikazzjonijiet għall-impjiegi mal-Unjoni Ewropea
