Futbol Sport

Capello jingħata kumpens mingħand l-FA Russa

Il-kowċ Fabio Capello ngħata kumpens ta’ madwar sitt miljun ewro talli dan kien tkeċċa qabel intemmlu l-kuntratt. Capello kien inħataw kowċ tat-tim nazzjonali Russu f’Lulju tal-2012 u kellu kuntratt sa tmiem it-Tazza tad-Dinja tal-2018 li se ssir fir-Russja stess imma f’Lulju li għadda kien tkeċċa mill-kariga wara riżultati xejn pożittivi li kiseb it-tim kemm fit-Tazza tad-Dinja ta’ sena ilu u fl-ewwel partiti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016.

Is-somma li ngħata l-eks kowċ ta’ Roma u Real Madrid hu ferm inqas minn dik oriġinarjament ippjanata hekk kif dan kellu jirċievi madwar 15-il miljun ewro imma issa se jkollu ‘jikkuntenta’ b’disa’ miljun ewro inqas. Minflok Capello kien ġie maħtur Leonid Slutsky u dan għandu biċċa xogħol iebsa biex jara li t-tim ikun fl-aqwa forma tiegħu la darba jikkompeti fit-Tazza tad-Dinja ta’ tliet snin oħra.