116-il rekluta jieħdu l-ġurament bħala membri ġodda tal-Korp tal-Pulizija
Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela qal li mhux f’idejh li jara kemm se jiġu stazzjonati Pulizija fl-għassa ta’ San Ġiljan wara r-reklutaġġ ta’ 116-il Pulizija ġodda, iżda r-responsabbilta’ hi f’idejn il-Kummissarju tal-Pulizija li għandu jara l-ħtiġijiet.
Carmelo Abela qal dan meta kien mistoqsi minn MaltaRightNow.com dwar dan fi tmiem ċeremonja li matulha kien immarkat it-tmiem tal-istudji ta’ 116-il rekluta, li għadhom kif temmew it-taħriġ tagħhom fl-Akkademja tal-Pulizija u issa daħlu bħala Kuntistabbli ġodda.
Fiċ-ċerimonja tal-Passing-out Parade, li saret fil-bini tal-Akkademja, dawn ħadu l-ġurament tagħhom bħala membri ġodda tal-Korp.
Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal li dan hu ġurament ta’ lealtà lejn il poplu u l-Kostituzzjoni. Hu stqarr li se jkun iebes ma’ dawk li qed jippruvaw ifixklu l-Korp, b’enfasi ċara għal xi persuni fil-Korp stess.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar qal li dawn il-116-il rekluta issa se jidħlu fil-Korp bit-taħriġ kollu neċessarju. Sostna li dawn il-Kuntistabbli ġodda se jkunu l-Ambaxxaturi tal-Korp tal-Pulizija.
Tkellem ukoll Neil Saliba, l-aktar rekluta li ddistingwa ruħu tul il-kors, li rrefera għall-esperjenzi sbieħ li għixu hu u sħabu kemm damu fl-Akkademja tal-Pulizija.
//= $special ?>