Il-Partit Nazzjonalista m’għandux fiduċja f’Ray Zammit
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li m’għandux fiduċja f’Ray Zammit. Dan hekk kif huwa evidenti li kemm Joseph Muscat kif ukoll Owen Bonnici huma ostaġġi ta’ Ray Zammit, li jidher li jaf xi ħaġa dwar Joseph Muscat u li qed iżommha għalih dment li Muscat iħallih jagħmel li jrid.
Qal dan il-Whip tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, Żgħażagħ u Sport David Agius fi stqarrija aktar kmieni.
Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista jgħid li l-fatt li kemm Joseph Muscat kif ukoll Owen Bonnici se jibqgħu jwebbsu rashom u jħallu lil Ray Zammit imexxi l-aġenzija tal-infurzar lokali tfisser li Ray Zammit sar omnipotenti u jitħalla jagħmel li jrid minn dan il-Gvern.
Ray Zammit kien instab ħati li kien kompliċi fil-cover-up li saret mill-Gvern fl-isparatura tax-xufier ta’ Manuel Mallia. Hu kien instab ħati wkoll minn inkjesta indipendenti li daħal f’negozju ma’ negozjanti meta kellu karigi għolja fil-Korp tal-Pulizija. Dan apparti li ulied Ray Zammit, filwaqt li suppost kienu qed jinvestigaw allegat każ ta’ qtil, daħlu f’negozju mal-familja li kienet involuta f’dan il-każ
Dwar dan il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat u Owen Bonnici neħħew is-saħħa minn idejn is-Sindki u mingħand il-Presidenti tar-Reġjuni, u ħadu kollox f’idejhom, tant li issa Ray Zammit qed jingħata l-poter li jibgħat lill-wardens fejn irid hu.
Jekk Joseph Muscat jibqa’ jinsisti li jafda lil persuna bħal Ray Zammit, ikun qed jikkonferma kemm huwa Prim Ministru irresponsabbli li l-egoiżmu tiegħu jġibu qabel l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi, ikompli jgħid il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li ma jistax ikun li sistema importanti bħal din għas-sigurta’ ta’ pajjiżna titħalla titmexxa minn bniedem li waqqa għaż-żufjett il-kredibilita’ tal-Korp tal-Pulizija bi ħmieġ li saħansitra ġie kkundannat minn inkjesta indipendenti.
//= $special ?>