Malta kienet ikkritikata mill-grupp European Alliance for Human Rights in North Korea (EAHRNK) talli qed tagħmel użu minn ħaddiema mill-Korea ta’ Fuq f’dak li kien deskritt bħala forced labour biex taqla’ l-miljuni.
Il-grupp qal li Malta qed tagħmel dan permezz ta’ skemi provduti mir-reġim ta’ Pyongyang minkejja li hi pajjiż li suppost qed josserva l-liġijiet tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea. Flimkien ma’ Malta fil-lista hemm ukoll il-Polonja.
Skont ir-rapport, il-Korea ta’ Fuq tagħmel użu minn ċittadini minn tagħha li jiġu sfurzati jaħdmu f’kundizzjonijiet mill-agħar b’parti mill-paga tagħhom miżmuma biex tiffinanzja r-reġim Korean.
Il-grupp ikkalkula li hemm 50,000 Korean f’din l-iskema li l-maġġoranza tagħhom jaħdmu f’pajjiżi tal-Lvant Nofsani jew l-Asja imma madwar 1,000 jinsabu fl-Unjoni Ewropea. Skont Michael Glendinning, direttur tal-EAHRNK, minn dawn hemm 93 li minn Marzu tal-2013 inħarġitilhom visa minn Malta. Hu mifhum li dawn qed jaħdmu għal kumpanija Ċiniża f’Malta.
L-EAHRNK taħdem ma’ nies mill-Korea ta’ Fuq li ħarbu minn pajjiżhom u ħadmet dan ir-rapport magħhom kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet tax-xogħol f’Malta. L-EAHRNK ħeġġet kemm lill-Unjoni Ewropea kif ukoll lill-Gvern Malti biex jinvestigaw x’qed isir.
James Burt, research and policy officer mal-EAHRNK, qal li filwaqt li l-Unjoni Ewropea kienet attiva għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-Korea ta’ Fuq, issa trid tara x’qed jiġri fi ħdan il-konfini tagħha.
Ir-rapport qal li l-Gvern Malti ma weġibx il-mistoqsijiet li saru mill-EAHRNK.
Agħfas il-link għar-rapport sħiħ
//= $special ?>