Filwaqt li qed isir appell qawwi biex il-Kummissjoni Ewropa tinvestiga immedjatament il-każ skandaluż tal-Visas u l-Permessi ta’ Residenza li nħarġu fl-aħħar sentejn u nofs f’Malta, anke l-Partit Nazzjonalista għadu jinsisti li ssir inkjesta indipendenti dwar dan l-iskandlu.
Fi kliem il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami, dan hu każ xokkanti li qed ikompli jikber jum wara l-ieħor. Fi stqarrija, il-Partit Nazjonalista semma’ erba’ attivisti Laburisti li huma parti minn din il-klikka f’Identity Malta: Ryan Spagnol, Charlene Zammit, Amanda Mifsud u Jonathan Cardona.
Min-naħa tiegħu, Beppe Fenech Adami spjega li t-tahwid f’Identity Malta qed iwassal għal ħruġ ta’ visas irregolari, anke lil ċittadini tal-Korea ta’ Fuq, bil-Prim Ministru Muscat spiċċa ħammar wiċċ pajjiżna madwar id-dinja kollha.
Fil-fatt, il-Membru Parlamentari Ewropew Taljana Lara Comi qed titfa’ dubji serji fuq l-għajnuna li kellhom dawn il-Libjani biex ġabu l-visas, bl-għajnuna ġejja minn persuni li għandhom konnesjoni mal-Partit Laburista fil-Gvern. Għaldaqstant, hi talbet formalment biex il-Kummissjoni Ewropea tinvestiga dan l-iskandlu, li sejħitlu “frodi tal-massa” dwar materja serja fuq is-sigurtà Ewropea.
Jirriżulta li l-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tagħti t-tweġiba tagħha għat-talba ta’ Lara Comi fil-jiem li ġejjin.
//= $special ?>