Lokali

Filmat: L-anzjani ta’ pajjiżna jixirqilhom dinjità

Hekk kif illum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Anzjani, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-anzjani kollha ta’ pajjiżna. Fi stqarrija f’isem ix-Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista qal li jemmen f’politika li tagħti d-dinjità li tixirqilhom lill-anzjani, li tassigura li wara snin twal ta’ ħidma, l-anzjani jirtiraw f’ħajja komda u li jistgħu jgawduha.

Il-Partit Nazzjonalista qal li sfortunatament, aktar ma jgħaddu l-jiem, aktar l-anzjani f’pajjiżna qed titteħdilhom id-dinjità li tixirqilhom. Skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-anzjani f’riskju ta’ faqar żdiedu bi 2.5% meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Għall-Partit Nazzjonalista, din iż-żieda hi sinifikanti meta tqis li din kienet f’sena waħda biss, filwaqt li hu ta’ tħassib akbar meta quddiem dawn iċ-ċifri nkwetanti, il-Gvern jagħżel li jinjora din ir-realtà minflok ma jindirizza l-isfidi li qed jiffaċjaw l-anzjani.

Il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib ukoll fid-dawl tar-rapporti kontinwi ta’ abbużi fuq l-anzjani f’San Vinċenz de Paul. Filwaqt li kkundanna kull tip ta’ abbuż, ġej minn min ġej, il-Partit Nazzjonalista insista li l-awtoritajiet għandhom jieħdu passi serji kontra kulmin iwettaq xi tip ta’ abbuż.

L-istqarrija tkompli li hu ta’ tħassib ukoll li servizzi li jgawdu minnhom l-anzjani, fl-aħħar xhur marru lura, fosthom il-Meals on Wheels, id-Day Centres, il-Home Help u l-Handyman Service. L-anzjani għandhom bżonn politika u azzjonijiet li jagħmlu differenza f’ħajjithom minflok ritratti u stqarrijiet għall-media.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jibqa’ jħaddan politika favur anzjanità attiva, li permezz tagħha, l-anzjani jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol u anke fi​s-soċjetà wara li jirtiraw. Fil-fatt, ħafna anzjani jagħżlu li jibqgħu jagħmlu xogħol volontarju fis-soċjetà, fosthom f’għaqdiet fil-lokalitajiet. Ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista hu grat.

Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista sellem ukoll lil dawk li jiddedikaw il-ħin tagħhom biex jieħdu ħsieb l-anzjani ta’ pajjiżna fid-djar residenzjali u anke fid-djar privati.