Għawdex Lokali

Fl-inċertezza dwar il-futur tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-PN jibqa’ solidali mal-ħaddiema

Il-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jinsabu f’inċertezza dwar il-futur tagħhom. U quddiem din l-inċertezza li għaddejjin minnha t-800 ħaddiem fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Partit Nazzjonalista qed juri solidarjetà mal-ħaddiema u l-familji tagħhom f’dan il-mument diffiċli.

Dan hekk fl-aħħar jiem, il-ħaddiema fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ġew infurmati li n-numru tal-impjegati hu kbir wisq u li se jkun hemm min ikollu jiċċaqlaq. Kawża ta’ hekk, hemm ħaddiema minnhom li qed jikkunsidraw li jmorru jaħdmu fi Sptarijiet tal-Gvern f’Malta.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said qal li din l-inċertezza qed tinħoloq mill-Gvern għax mhux qed jagħti informazzjoni dwar dak li se jagħmel bl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, filwaqt li qed jaħbi kontinwament. Dan il-ħabi qed iwassal għal biża’ u inċertezza fost it-800 ħaddiem u l-familji tagħhom.

Fil-jiem li għaddew saret laqgħa minn rappreżentanti ta’ waħda mill-unions mal-ħaddiema, li matulha l-ħaddiema ġew infurmati li skont min se jibda jmexxi l-Isptar wara l-proċess ta’ privatizzazzjoni, in-numru ta’ ħaddiema attwali hu kbir wisq. Għaldaqstant, dan in-numru jrid jitnaqqas. Said qal li skont dak li ġie rrappurtat, il-ħaddiema ġew infurmati li l-aħjar ħaġa hi li jaħsbu għal rashom jew ikollhom jintbgħatu jaħdmu f’Malta.

Il-Partit Nazzjnalista fakkar li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Joseph Muscat kien wiegħed xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Madankollu, aktar ma jgħaddi ż-żmien, anke din il-wegħda qed ittir mar-rih.

Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg qalet li l-Gvern Laburista għandu jgħid ċar u tond jekk hux se jipprivatizza l-Isptar, kif ukoll jekk se jagħmel hekk, x’bidliet se jkun hemm. Flimkien ma’ Chris Said, anke Claudette Buttigieg esprimiet solidarjeta’ mal-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, filwaqt li wegħduhom l-impenn tagħhom f’dan il-mument diffiċli għalihom u għall-familji tagħhom.