Min ma jkollux it-Tallinja Card, mil-lum irid jibda jħallas €2 għal biljett wieħed. Dan tħabbar mill-Malta Public Transport, il-kumpanija li ħoloq il-Gvern biex tmexxi t-trasport pubbliku, li fi stqarrija qalet li mil-lum se jispiċċa l-prezz ta’ 30ċ għal kull vjaġġ.
Dan il-prezz hu ogħla minn kif kien fi żmien l-Arriva, meta dakinhar persuna kienet tħallas €1.50 għal ġurnata sħiħa (u mhux għal kull vjaġġ). Ħafna kienu dawk li nnutaw li din iż-żieda qawwija fil-prezz għat-trasport pubbliku jistona aktar meta wieħed jiftakar li l-kumpanija li għażel il-Gvern biex tipprovdi t-trasport pubbliku qed tingħata sussidju ta’ €30 miljun fis-sena.
L-aktar li se jbatu minn din iż-żieda drastika fil-prezz huma l-anzjani u l-istudenti, li fil-maġġoranza tagħhom m’għandhomx mezz ieħor tat-trasport. Fil-fatt, il-prezz il-ġdid qed jidħol fis-seħħ propju fl-ewwel ġimgħa ta’ sena akkademika ġdida. Barra minhekk, il-persuni li jużaw it-trasport pubbliku biex imorru l-Isptar, iżda m’għandhomx it-Tallinja Card, mil-lum se jkollhom iħallsu €2 għal kull vjaġġ.
Meta l-proċess tal-għażla kien għadu miftuħ, il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi kien mar Spanja biex jiltaqa’ mal-kumpanija li eventwalment intgħażlet mill-Gvern biex tipprovdi s-servizz. Dakinhar, kumpaniji oħrajn li setgħu kienu nteressati qalu li kieku kienu jafu li l-Ministru Mizzi se jtihom għajnuna privileġġanti, bħalma ta lill-Ispanjoli, kienu japplikaw huma wkoll.
Sadanittant, u minkejja ż-żieda fis-sussidju li qed jagħti l-Gvern, ħafna għadhom qed jikkummentaw li s-servizz tat-trasport pubbliku mhux qed jilħaq il-livelli meħtieġa, anzi mar fl-agħar livelli.
//= $special ?>