Wara aktar minn xahar li saret talba biex NET News jintervista lill-Kap taċ-CHOGM Taskforce Phyllis Muscat, nistgħu niżvelaw li l-approvazzjoni għat-talba tagħna għadha qed tistenna l-barka tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan ikkonfermah il-Head of Operations taċ-CHOGM Chris Formosa f’kummenti li tana. It-talba għal intervista ma’ Phyllis Muscat saret fis-26 ta’ Awwissu, b’email mibgħuta lil Formosa u li kienet indirizzata wkoll lill-istess Phyllis Muscat.
Iżda minkejja li dħalna f’Ottubru, it-talba tagħna għadha pendenti. Il-Head of Operations taċ-CHOGM sostna li għadha trid tittieħed deċiżjoni minħabba l-proċedura li saret biex ikunu trattati talbiet simili.
Il-kwalitajiet tal-Kap taċ-CHOGM Taskforce kienu s-suġġett ta’ dibattitu fil-Parlament f’Mejju li għadda, bil-Prim Ministru Muscat ikun iffaċċjat bil-mistoqsijiet dwar jekk il-persuna maħtura llum għandhiex l-istess kwalitajiet, kwalifiċi u kredenzjali tal-persuna magħżula fl-2005.
Dakinhar, u anke f’diversi ċirkostanzi oħra, il-Prim Ministru Muscat għażel li jibqa’ jiddefendi lil Phyllis Muscat, li għandha salarju ta’ €40,000 u €8,000 oħra f’allowances.
//= $special ?>