Edukazzjoni Lokali

Tibda s-sena akkademika fl-Università u l-Junior College

Università ta' Malta

Aktar minn 2,700 student u studenta llum bdew l-ewwel esperjenza tagħhom fl-Università ta’ Malta għas-sena akkademika 2015-2016.

Fid-diskors tiegħu biex jilqa’ lill-istudenti l-ġodda, ir-Rettur tal-Università Prof Juanito Camilleri qal lill-istudenti biex tul l-esperjenza tagħhom fl-Università jitgħallmu jiġġieldu l-mibgheda, l-intolleranza u l-preġudizzju, permezz tat-tagħlim.

Ir-Rettur tal-Università kompla billi wissa lill-istudenti biex fil-ħajja ma jemmnux dak kollu li jingħad, iżda jkunu kapaċi jiftħu l-għarfien tagħhom ħalli ma jkunux limitati f’pajjiż żgħir bħal Malta. Dan kien l-aħħar diskors ta’ Prof Juanito Camilleri bħala Rettur tal-Università, li kien ilu Rettur sa minn Lulju 2006.

Din is-sena, fl-Università ta’ Malta hemm 3,700 student u studenta li se jibdew Kors ġdid, jiġifieri żieda ta’ 250 student u studenta fuq is-sena li għaddiet. Għal din is-sena akkademika, l-Università se jkollha aktar minn 11,700 student u studenta – aktar minn 5,000 irġiel u aktar minn 6,700 nisa fi 840 kors.

Sadanittant, is-sena akkademika bdiet ukoll fil-Junior College, fejn din is-sena daħlu aktar minn 1,050 student u studenta biex b’kollox se jkun hemm aktar minn 2,300 student u studenta f’din l-istituzzjoni post-sekondarja.