Lokali Qorti

Tiftaħ is-sena forensi

Għajnejn il-poplu kollu hu fuqkom. Hekk wissa l-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles Scicluna lill-Ġudikatura waqt l-Omelija tal-Quddiesa fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi, bil-messaġġ kien ripetut waqt is-seduta inawgurali mill-President tal-Kamra tal-Avukati, l-Avukat George Hyzler.

Bħas-snin ta’ qabel, id-diskorsi tal-Prim Imħallef u tal-President tal-Kamra tal-Avukati ffukaw fuq il-mod kif topera l-Qorti, fejn saru appelli dwar is-setturi li issa saru sinonimi mal-problemi li hemm fil-qorti, fosthom id-dewmien fil-kawżi, in-nuqqas ta’ Imħallfin, in-nuqqas ta’ spazju fil-Qorti, il-mod kif ikunu appuntati l-Ġudikanti, ir-rwol tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u issa l-ħatra tal-Assistenti Ġudizzjarji.

Fil-preżenza tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, mid-diskorsi il-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler rriżulta li hemm qbil dwar il-ħtieġa tal-Liġi li tirregola l-professoni legali, li issa hemm konsensus dwarha u se tingħadda mill-Parlament. Din il-Liġi ilha tiġi diskussa mill-2008.

Dwar il-mod kif jinħatru l-Ġudikanti, hemm opinjonijiet differenti. Filwaqt li l-Kamra tal-Avukati temmen li dawn m’għandhomx jinħatru mill-Gvern, il-Prim Imħallef hu tal-opinjoni li l-fatt li l-Ġudikanti jinħatru mill-Gvern, iġib miegħu leġittimita demokratika. Madankollu, il-Prim Imħallef jemmen li fil-ħatra tal-Ġudikanti għandu jkun hemm ir-rakkomandazzjoni tal-Kummssjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Il-President tal-Kamra tal-Avukati qal li l-Avukati jemmnu li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Bonello għandhom ikunu introdotti, filwaqt li dwar in-nuqqas ta’ spazju, sostna li din hi problema kbira għax ċerti seduti qed ikollhom isiru fil-kurituri tal-Qorti. Kemm Silvio Camilleri kif ukoll George Hyzler qablu dwar il-kontribut li Imħallfin irtirati jistgħu jagħtu, partikolarment dwar każi li jkunu ilhom għal diversi snin quddiem il-Qorti.

Bħalissa, fil-Qrati Maltin hawn 22 Imħallef, b’Malta ghandha anqas min-nofs tal-medja ta’ Imħallfin fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

(Ritratt: Photocity)