Għall-wiri pitturi oriġinali mill-artist rinomat Don Heywood
Wirja unika bi 11-il pittura ta’ San Ġwanni Pawlu II qed tittella’ bħalissa fl-APS Bank Center fis-Swatar. Din se tibqa’ miftuħa sat-8 ta’ Ottubru 2015.
Intitolata “Il-Qaddis tas-Seklu”, dawn il-pitturi oriġinali huma xogħol l-artist rinomat Don Heywood. Il-karriera illustri ta’ Heywood tinkludi numru ta’ xogħolijiet ikkummissjonati mill-Wimbledon Lawn Tennis Club u l-Community Rights Counsel, fost oħrajn. Dawn ix-xogħolijiet tal-arti jinkludu wkoll pittura life-size tar-Reġina Eliżabetta II f’Buckingham Palace u fl-iSmithsonian Endangered Species Collection.
Il-wirja tinkludi seba’ pitturi biż-żejt u erbgħa bil-lapes, kollha dwar l-istil dħuli ta’ San Ġwanni Pawlu II, li dejjem kien ammirat għalih madwar id-dinja kollha.
E.P. Delia, iċ-Chairman tal-Bank APS, qal li l-Bank qed jipprovdi opportunità rari lill-pubbliku biex jara dawn il-pitturi f’post wieħed.
“Dawn il-pitturi jaqbdu l-karattru ta’ dan ir-raġel kbir, li ħafna minna kellna l-privileġġ niltaqgħu miegħu matul is-snin li għamel bħala Papa. Il-Papa Ġwanni Pawlu II jibqa’ ħaj f’numru ta’ recordings ta’ diskorsi u mumenti li biddlu lill-Knisja. Meta wieħed iħares lejn il-pitturi, ma jistax ma jinnutax l-għaqda, kważi fuq livell personali, li l-Papa Ġwanni Pawlu II bena mal-popli ta’ reliġjonijiet differenti”, qal is-Sur Delia.
Il-wirja ttellgħet biex tikkoinċidi mat-tnedija tal-ktieb “Il-Qaddis tas-Seklu”, li jinkludi l-kollezzjoni ta’ 29 pittura mill-istess artist dwar il-Papa Ġwanni Pawlu II. Il-ktieb hu ppubblikat minn Miranda Publishers u sponsorjat mill-Bank APS. Ix-xogħolijiet tal-arti, meħuda f’ritratti mill-fotografu magħruf Kurt Arrigo, huma akkumpanjati minn 38 kwotazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ li saru bejn l-1985 u l-2002.
“Għalkemm forsi magħrufa aħjar għal kotba f’format kbir, li għalihom aħna sinonimi, l-għaqda b’saħħitha bejn San Ġwanni Pawlu II u l-gżejjer Maltin hi xi ħaġa li xtaqna niġbruha fi ktieb f’forma letterarja. Dan il-ktieb hu maħsub li jkun testimonjanza għall-ħajja kbira li għex u kien xogħol Don Heywood li jaqbad dan permezz tal-arti tiegħu”, qal Tony Aquilina, Direttur Maniġerjali ta’ Miranda Publishers. Is-Sur Aquilina rringrazzja lis-Sur Delia, li emmen f’dan il-proġett u aċċetta li jisponsorjah.
Il-pubbliku hu mistieden iżur din il-wirja, li se tibqa’ miftuħa sat-8 ta’ Ottubru fl-APS Bank Center fis-Swatar.
Il-ħinijiet tal-ftuħ huma bejn it-8.30am u s-1am bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, kif ukoll mit-8.30am sal-11.15am is-Sibt.
//= $special ?>