Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ddeċieda l-kontra li fil-konfini tal-lokalità tas-Siġġiewi u b’mod partikolari fiż-żona magħrufa bħala ‘Ta’ San Niklaw’ li tinsab viċin id-Dar tal-Providenza, tintuża xi art pubblika jew privata sabiex jinbnew track u faċilitajiet oħra għat-tlielaq tal-karozzi.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li fil-jiem li għaddew il-Gvern ippubblika sejħa għall-espressjoni ta’ interess u wara li diġà ġie rrapurtat diversi drabi u b’mod insistenti fil-mezzi tax-xandir, li wieħed mis-siti li ser jiġu proposti minn dawk interessati huwa dak magħruf bħala ta’ San Niklaw fis-Siġġiewi viċin id-Dar tal-Providenza.
Waqt il-laqgħa s-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina spjega li hu maħsub li l-proġett jitwettaq fuq sit ta’ madwar 80 ettaru ta’ art li tinsab ‘il barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) u 800,000 metru kwadru jew aħjar 712-il tomna, kważi d-daqs taż-żona urbana kollha tas-Siġġiewi.
Il-kunsilliera eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina, Alessia Psaila Zammit, Julian Borg u Gillian Farrugia Pace, ivvutaw favur il-mozzjoni kif proposta mis-Sindku Karol Aquilina filwaqt li dawk eletti f’isem il-Partit Laburista, Clayton Cutajar, Dominic Grech u Nicholas Cassar, ivvutaw kontra.
Fil-mozzjoni jingħad li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jqis u jemmen li l-ħidma kontra dan il-proġett għandha tkun lil hinn mill-politika u wisq aktar lil hinn mill-politika partiġġjana.
Il-Kunsill tas-Siġġiewi jemmen li dan il-proġett ser jkollu impatt negattiv qawwi fuq ir-residenti tas-Siġġiewi u fuq id-Dar tal-Providenza, ir-residenti u l-ħaddiema tagħha, iwassal għall-qerda ta’ ammont enormi ta’ art agrikola li qed tinħadem minn għexieren ta’ bdiewa u familji ħafna minnhom mis-Siġġiewi u ser jagħmel ħsara irreparabbli lis-Siġġiewi u lill-kwalità ta’ ħajja fil-lokalità.
Il-Kunsill tas-Siġġiewi qiegħed isejjaħ lill-Gvern kif ukoll lil dawk kollha li se jippreżentaw il-proposti tagħhom skont is-sejħa għal espressjoni ta’ interess biex ma jipproponu, jikkunsidraw jew jaċċettaw l-ebda sit li jinsab fil-konfini tal-lokalità tas-Siġġiewi u b’mod partikolari fiż-żona magħrufa bħala ‘Ta’ San Niklaw’ li tinsab viċin id-Dar tal-Providenza.
Il-Kunsill tas-Siġġiewi se jkun qiegħed jitlob u jħeġġeġ lill-Gvern jagħmel pubbliċi d-dokumenti kollha li jiffurmaw parti mis-sejħa għall-espressjoni ta’ interess u dan bil-għan li jkun jista’ jsir skrutinju sħiħ tagħhom.
Reazzjoni Front Ħarsien ODZ
Fi stqarrija, il-Front Ħarsien ODZ appoġġja l-pożizzjoni tal-Kunsill tas-Siġġiewi kontra l-iżvilupp ta’ korsa tal-Motor Sports f’żona barra l-konfini ta’ żvilupp magħrufa bħala San Niklaw fil-viċininanzi tad- Dar tal-Providenza.
Il-Front huwa kontra kull żvilupp f’siti mhux żviluppati barra miż-żona ta’ l-iżvilupp irrispettivament minn fejn jiġu proposti u jtenni l-appell tiegħu lill-gvern biex jeskludi kull proposta li tinkludi artijiet bħal dawn mis-sejħa għal espressjoni ta’ interess.
Il- Front sostna l-pożizzjoni tiegħu li l-gvern ma kellux joħroġ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess fl-assenza ta’ studji dwar is-sostenibilita ambjentali ta’ żvilupp daqsekk massiv (kbir daqs mitt grawnd tal-futbol) f’pajjiż żgħir daqs Malta.
Il-Front Ħarsien ODZ sostnew li jekk il-gvern beħsiebu jibqa għaddej bħal romblu, il-Front jinsisti lid-dokumenti relatati ma’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess ikunu pubblici biex jiżgura trasparenza sħiħa. Il-Front isejjaħ lil kunsilli lokali oħra fejn art ODZ tista’ tiġi identifikata għal żvilupp simili biex jingħaqdu mal-kunsill tas-Siġġiewi fl-oppożizzjoni għal dan it-tip ta’ żvilupp insostenibli.
Reazzjoni Alternattiva Demokratika
Fi stqarrija dwar dan, id-Deptutat Chairperson ta’ AD, Carmel Cacopardo, qal li “s-sejħa għal-espressjoni ta’ interess biex jinbena ċirkwit għat-tlielaq tal-karozzi flimkien ma’ faċilitajiet anċillari hu attakk iehor fuq l-art barra miż-żona ta’ żvilupp (ODZ). Dan minhabba li l-iżvilupp propost, stmat li jista’ jirrikjedi sa madwar 800,000 metru kwadru ta’ art (80 ettaru) ma jista’ jsir imkien jekk mhux barra miż-żona tal-iżvilupp.”
Carmel Cacopardi qal li Malta u Għawdex huma żgħar wisq u l-ftit art li baqalna mhux mibnija barra miż-żona ta’ żvilupp għandna bżonn li nipproteġuhom aħjar. Sostna li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jinkoraġixxi kemm jiflaħ bini fuq ODZ.
Cacopardi qal li dan apparti t-tniġġis tal-arja kkawżat mhux biss mit-tlielaq, imma ukoll mis-sessjonijiet ta’ taħriġ fiċ-ċirkwit propost. Ma’ dan kollu żid ukoll il-ħsejjes esagerati minn karozzi misjuqa b’velocita’ kbira li ser ikunu ta’ inkonvenjent kbir lil dawk li jkollhom l-isfortuna li jkunu ġirien taċ-ċirkwit.”
Temm jgħid li “Alternattiva Demokratika tittama li din tkun holma ohra kerha li tghaddi mill-bosta li l-Gvern qed johloq fil-qasam ambjentali”.
//= $special ?>