Lokali

Duri ta’ Kaċċaturi u Nassaba Vandaliżati

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) waslula rapporti ta’ vandalizmu li sar minn persuna/i mhux magħrufa f’duri ta’ kaċċaturi u nassaba membri tal-FKNK ġewwa s-Sannat, Għawdex. Dan il-vandaliżmu seħħ nhar it-Tlieta 29 ta’ Settembru.

Meta fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fl-1 ta’ Settembru u l-kaċċaturi membri tal-FKNK li jipprattikaw il-kaċċa fir-Riżerva tal-Kaċċa tal-Miżieb tal-FKNK marru fil-post, ukoll sabu li bosta mid-duri tagħhom kienu ġew vandaliżati. Dan apparti ħsara oħra li sabu li kienet saret fuq diversi siġar indiġeni li kienu ħawlu u kkuraw fil-post matul is-snin l-istess membri.

Il-FKNK tikkundanna bil-qawwa kollha tali atti vandali fil-kampanja tagħna. Dan l-aġir ta’ konfrontazzjoni u vandalizmu m’għandux postu fid-dinja ta’ llum. Għaldaqstant, il-FKNK qegħda titlob l-għanjuna tal-forzi tal-Ordni tal-Pulizija sabiex issir iktar viġilanza fil-kampanja, anki f’dan il-konfront.

Il-FKNK ma tista’ qatt taċċetta ebda tip ta’ vandaliżmu fil-kampanja tagħna. Għalhekk il-FKNK qegħda tavża lill-membri taħhha sabiex, jekk jinsertaw xi persuna/i waqt itwettieq ta xi att vandalu, dawn magħandhomx jaqu għall-provokazzjoni, imma jinfurmaw minnufih lill-Pulizija, u possibbilment jieħdu ritratti jew filmati ta’ tali atti.