Il-prezz tal-petrol f’Malta issa wkoll qabeż il-medja tal-prezz tal-pajjiżi kollha tal-UE, wara li dak tad-diesel ilu għola mill-medja għal diversi xhur.
Għall-ewwel darba minn April, waqt li l-medja tal-prezz fit-28 pajjiż membru tal-UE issa hi ta’ €1.34 il-litru għall-petrol, f’Malta l-prezz għadu ta’ €1.35 il-litru.
Waqt li l-prezz tad-diesel f’Malta għadu, minn April, ta’ €1.26 il-litru, il-medja fl-UE hi ta’ €1.18.
Il-Gvern kien ilu xhur jiddefendi lilu nnifsu minn kritika li l-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta mhux jorħos bħalma raħas il-prezz internazzjonali taż-żejt, billi kien jisħaq li l-politika tiegħu ta’ hedging wasslet għal stabilità bi prezz f’Malta li kien orħos mill-medja Ewropea.
Dan madankollu m’għadux jgħodd għax, skont l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea, il-prezz tal-petrol f’Malta hu 1ċ ogħla kull litru mill-medja tal-UE waqt li dak tad-diesel hu ta’ 8ċ ogħla kull litru mill-medja fl-UE.
Fost il-pajjiżi tal-UE, bħalissa hi l-Olanda bl-ogħla prezz tal-petrol, b’€1.50 kull litru, u l-Estonja għandha l-orħos prezz b’€1.05 kull litru. Ir-Renju Unit għandu l-ogħla prezz tad-diesel b’€1.50 kull litru waqt li l-Lussemburgu qed ibiegħu €0.97 kull litru.
Il-Partit Nazzjonalista ilu diversi ġimgħat jinsisti mal-Gvern li l-prezzijiet f’Malta għandhom jorħsu bħal ma raħas il-prezz internazzjonali taż-żejt u li l-konsumaturi Maltin għandhom igawdu l-istess roħs bħaċ-ċittadini l-oħra tal-UE.
Anke l-GRTU u l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi qablu mal-PN u qed jinsistu mal-Gvern li għandu jraħħas il-prezzijiet.
//= $special ?>