Lokali

Inkjesta dwar raġel li miet l-Isptar wara attentat ta’ suwiċidju

Mhux se ssir inkjesta interna – il-Kummissarju Michael Cassar

Aġġornata b’reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista

Ir-raġel li ġie arrestat ilbieraħ wara qabda kbira ta’ droga miet matul dan il-lejl. Il-Pulizija ikkonfermaw li hu miet l-Isptar Mater Dei wara li aktar kmieni prova jneħħi ruħu b’idejh fil-lock-up tad-Depot fil-Furjana.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar spjega kif għall-ħabta tat-3am kien hemm Pulizija li kien qed jiċċekja ċ-ċellel tal-lock-up, u kien f’dan il-ħin illi innota persuna b’liżar imdawwar m’għonqu.

Mal-ewwel sejjaħ għall-għajnuna, bir-raġel jingħata s-CPR u jittieħed l-Isptar b’ambulanza. Hu miet l-Isptar stess siegħa wara.

Meta indirizza lill-media, il-Kummissarju spjega li fil-kuriduri tal-lock-up hemm cameras tas-sigurta’ li jistgħu jiġu analizzati, iżda fiċ-ċellel m’hemmx minħabba privatezza.

Il-Kummissarju tal-Pulizija ikkonferma li dwar din il-mewta se ssir inkjesta Maġisterjali, iżda mhux se ssir inkjesta interna.

Dan ir-raġel kien mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum akkużat bis-sejba ta’ 11-il kilogramma droga.

L-aktar każ riċenti ta’ mewta taħt il-kustodja tal-Pulizija kien dak ta’ Nicholas Azzopardi li seħħ f’April 2008. Dwar dan il-każ il-Ministru tal-Intern ta’ dak iż-żmien, Carm Mifsud Bonnici kien fetaħ inkjesta indipendenti, apparti l-inkjesta Maġisterjali.

Intant, dan il-każ tar-raġel miż-Żejtun li miet matul il-lejl fil-kustodja tal-Pulizija ġab reazzjoni ukoll minn diversi opinjonisti u politiċi. Id-deputat Marlene Farrugia kienet waħda minn dawn illi insistiet li għandha issir investigazzjoni dettaljata dwar il-mod kif aġixxew il-Pulizija. Id-deputat Jason Azzopardi fisser dan il-każ ikraħ bħala mewt taħt għajnejn il-Pulizija.

Każ li jqanqal tħassib serju fost il-poplu Malti u Għawdxi – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-aħbar dwar mewt ta’ persuna fid-Depot waqt li kienet taħt arrest u taħt il-kustodja tal-Pulizija. Dan huwa każ li jqanqal tħassib serju fost il-poplu Malti u Għawdxi.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jitlob biex b’mod immedjat il-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali jaħtar inkjesta indipendenti sabiex fi żmien determinat jiġu stabbiliti, b’mod pubbliku, l-fatti kollha li wasslu għal din il-mewt.

L-ammont ta’ 11-il kilo ta’ droga jindika li l-Pulizija kienet fil-proċess li tkisser ċirku ta’ kriminalita’ organizzata fit-traffikar tad-droga.

Wara l-mewt tal-persuna suspettata f’dan il-każ, il-poplu Malti u Għawdxi għandu jkollu moħħu mistrieħ li ma ġietx ippreġudikata l-ħidma u l-investigazzjoni tal-Pulizija fil-ġlieda tagħha kontra d-droga.