Lokali

Reazzjoni pożittiva u unanima mill-MCESD għall-proposti tal-Oppożizzjoni

Il-Korpi Kostitwiti li huma membri fl-MCESD kienu unanimi fir-reazzjoni tagħhom għall-inizzjattiva tal-Oppożizzjoni, li għall-ewwel darba ressqet dokument bi proposti ta’ qabel il-Baġit.

Ma’ dan is-sit tkellmu uħud mill-Imsieħba Soċjali wara laqgħa li saret mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Il-President tal-GWU Victor Carachi qal li din kienet inizzjattiva pożittiva u hi pass fid-direzzjoni t-tajba. Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan qal li hu tajjeb li bħall-imsieħba soċjali, l-Oppożizzjoni wkoll tagħmel proposti ta’ qabel il-Baġit.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella innota li l-Oppożizzjoni qed taqbel ma’ dak li ilha tinsisti dwaru l-UĦM, li jkun hemm studju dwar it-tieni pilastru tal-pensjonijiet.

Ben Rizzo, mill-Kumitat tal-Għaqdiet tas-Soċjeta’ Ċivili, esprima t-tama li laqgħat bħal dawn isiru regolari.

Intant, id-Direttur Ġenerali tal-Kamra tal-Kummerċ Kevin Borg qal li hemm diversi punti ta’ konverġenza bejn il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni u l-Kamra tal-Kummerċ

Il-President tal-GRTU Paul Abela faħħar l-inizzjattiva tal-Oppożizzjoni. Hu tenna li l-GRTU se tibqa’ tinsisti fuq il-proposta li jorħsu t-tariffi tal-enerġija għax temmen li għandha raġun filwaqt li l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, Arthur Muscat, qal li b’din l-inizzjattiva qed naraw Oppożizzjoni pro-attiva li mhux tistenna u tirreaġixxi