7.10pm: F’dawn il-ħinijiet, il-President ta’ Malta qed tindirizza lill-ġurnalisti f’konferenza tal-aħbarijiet.
7.05pm: Is-sewwieq tal-Porsche ġie identifikat bħala Paul Bailey. Fil-passat hu kellu kumpanija tat-telekomunikazzjoni. Meta bigħ l-ishma tiegħu, hu xtara numru ta’ supercars, li qed jużahom għal attivitajiet tal-karità. Jirriżulta li ma’ Bailey kien hemm ukoll persuna oħra.
6.40pm: Hu kkonfermat li l-ammont tal-persuni feruta huma 26 fl-inċident li seħħ illum waranofsinhar f’Ħal Farruġ waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina.
F’konferenza tal-aħbarijjiet, indirizzata mis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, ingħad li 19 mill-feruti qed jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei, b’ħamsa minnhom qed jingħataw il-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Sebgħa oħra qed jingħataw il-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid. Fost dawk fl-ITU hemm tifla, filwaqt li x-xufier tal-Porsche qed jingħata l-kura, iżda ma jinsabx fl-ITU.
Ġie spjegat li fil-post waslu tmien Ambulanzi mill-Isptar u oħrajn tar-Red Cross. B’kollox saru 17-il vjaġġ tal-Ambulanzi.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet sar magħruf li f’dawn il-ħinijiet qed isiru l-operazzjonijiet fuq tliet persuni, filwaqt li oħrajn mistennija jsiru fis-sigħat li ġejjin, hekk kif l-Isptar jinsab maqlub għal stat ta’ emerġenza.
Il-qraba bħalissa jinsabu miġbura flimkien, fejn kellhom ukoll żjarat separati mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, mill-Prim Ministru Joseph Muscat u anke mill-Arċisqof Mons Charles Scicluna. Żjarat ukoll mistennija jsiru mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Sadanittant, sar magħruf ukoll li l-amministrazzjoni tal-Isptar nediet helpline fuq in-numru 25454032.
Aktar kmieni …
Minn informazzjoni li għandna jirriżulta li seħħ inċident ikrah waqt Paqpaqli għall-Istrina. Jidher li waqt waħda mill-wirjiet tal-karozzi, intilef il-kontroll ta’ vettura li faqgħet barrier u spiċċat fuq xi nies. Il-vettura hi Porsche 918, waħda mill-“hypercars” li nġiebu apposta għal din l-attivita’.
Hu mifhum li fost il-feruti hemm tifla ċkejkna ta’ madwar 4 snin. Diversi ambulanzi jinsabu fuq il-post.
Iktar aġġornamenti hekk kif jaslulna.
//= $special ?>