Lokali

Muscat jibqa’ jikkritika l-pre-budget document tal-Oppożizzjoni

Jumejn biss wara li l-Korpi Kostitwiti kollha fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) b’mod unanimu kkummentaw pożittiv għall-pre-budget document tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jkun negattiv u jgħid li dan kien dokument ħażin.

Minkejja li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hi l-ewwel Oppożizzjoni fl-istorja politika Maltija li ħejjiet dokument ta’ qabel il-budget, waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, Muscat għażel li jikkritika dan id-dokument u qal li dan id-dokument “kien ifalli student tal-form 3”.

Iżda mhux l-istess jaħsbuha l-Imsieħba Soċjali, li jumejn ilu kellhom laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Wara l-laqgħa, dakinhar, il-Korpi Kostitwiti kollha kkummentaw b’mod pożittiv għall-inizjattiva tal-Oppożizzjoni li tħejji dan id-dokument bil-proposti għall-baġit, xi ħaġa li qatt ma saret minn Oppożizzjoni oħra.