L-Ombudsman Joseph Said Pullicino esprima dubji serji dwar il-Grievances Boards li waqqaf il-Gvern biex jinvestigaw allegati inġustizzji, filwaqt li ddikjara li dawn huma neqsin mill-awtonomija u l-indipendenza, ma jiffunzjonawx b’mod trasparenti u mhux qed japplikaw ir-regoli b’mod uniformi.
Jagħmel ukoll l-akkuża li l-Bordijiet infushom jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta’ inġustizzji u diskriminazzjoni kontra terzi persuni.
Il-Prim Imħallef Emeritus għamel dawn id-dikjarazzjonijiet fl-Ombudsplan 2016, li kien ippreżentat lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, hekk kif l-Uffiċċju tal-Ombudsman ghalaq 20 sena minn meta twaqqaf.
Fir-rapport tiegħu, l-Ombudsman tratta żewġ aspetti fl-amministrazzjoni pubblika, li fil-fehma tiegħu qed ikunu problematiċi: l-esperjenza tal-Bordijiet Interni biex jissewwew inġustizzji tal-passat u l-jedd taċ-ċittadin għall-informazzjoni. Said Pullicino qal li mhux kontra li jiġu investigati allegati inġustizzji, iżda jinkwieta meta dawn il-Bordijiet ma jkunux awtonomi u indipendenti.
Dwar id-dritt għal informazzjoni miċ-ċittadini, l-Ombudsman esprima wkoll tħassib li, filwaqt li kull awtorità pubblika għandha tagħti kont ta’ għemilha, jidher li l-amministrazzjoni pubblika mhix tirrikonoxxi d-dritt taċ-ċittadini li jiġu infurmati.
Madankollu, f’ħafna drabi, r-rifjut biex tingħata l-informazzjoni qed jiġi ġġustifikat bi tweġibiet vagi.
//= $special ?>