Lokali

F’qagħda kritika wara argument

Raġel jinsab f’qagħda kritika wara argument li seħħ għall-ħabta tal-4.30 ta’ waranofsinhar f’wieħed mill-parkeġġi tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Il-Pulizija qalu li malli marru fuq il-post, sabet lir-raġel mixħut mal-art u li kien qed jingħata l-ewwel għajnuna. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kien seħħ argument bejn żewġt irġiel u għal xi raġuni wieħed minnhom waqa’ mal-art. Ir-raġel li għandu 35 sena, residenti l-Imqabba ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

S’issa għadu mhux magħruf jekk il-qagħda li jinsab fiha r-raġel hijiex konnessa mal-argument innifsu.

Ir-raġel l-ieħor, li għandu 34 sena, residenti l-Fgura qiegħed jiġi mitkellem mill-Pulizija sabiex jgħinha fl-investigazzjonijiet tagħha.

Bil-każ ġie nfurmat Maġistrat tal-Għassa li ordna li ssir Inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh. Intant, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin sabiex jiġi stabbilit eżatt x’ġara.