L-14,000 permess ta’ residenza f’sena hu aktar minn kemm ġew immigranti f’10 snin
Il-ħruġ ta’ permessi għal residenza f’pajjiżna tqajmet illejla fil-Parlament mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta talab lill-Prim Ministru jiddikjara jekk wasalx iż-żmien, kif isir f’pajjiżi oħrajn, nintroduċu restrizzjonijiet fuq il-ħruġ ta’ permessi għal residenza ta’ barrranin f’pajjiżna b’sistema ta’ punti jew ta’ kwota, bil-Prim Ministru jirrimarka li qiegħed jeżamina l-proposta ta’ sistema ta’ punti.
Wara li l-Prim Ministru fil-Parlament għamell stqarrija ministerjali dwar is-summit Ewropew dwar l-immigrazzjoni u dwar l-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ permessi ta’ residenza fid-dawl tal-kwota li jiflaħ pajjiżna quddiem il-kriżi dinjija tal-immigrazzjoni
Simon Busuttil staqsa lill-Prim Ministru jgħid kemm hi l-kwota li Malta tiflaħ iddaħħal immigranti f’pajjiżna meta wieħed iqis li s-sena li għaddiet, fuq persuni mhux immigranti iżda barranin, il-Gvern ta 14,000 permess ta’ residenza – aktar minn kemm ġew immigranti f’10 snin sħaħ.
Nattiraw barranin b’sistema ta’ punti u mhux naċċettaw lil kull min japplika
Staqsa lill-Prim Ministru jgħid kemm jiflaħ barranin pajjiżna u jekk jaħsibx li wasal iż-żmien li nagħmlu wkoll, kif isir f’pajjiżi oħrajn, restrizzjonijiet fuq id-dħul ta’ barranin fuq permessi li joqogħdu f’pajjiżna, jekk hux lest li jimponi kwota għal permess ta’ residenza u sistema ta’ punti biex Malta tattira barranin b’sistema ta’ punti u mhux sistema li taċċetta lil kull min japplika, iżda biss lil min hu l-aħjar eliġibbli li jgħix f’pajjiżna.
Fir-rimarki tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li jaqbel ma’ sistema ta’ punti proposta mill-Kap tal-Oppożizzjoni iżda mhux ta’ kwota għaliex fil-fehma tiegħu sistema ta’ kwota tippreżenta sitwazzjoni li fiha jista’ jkun hemm ħafna eċċezzjonijiet u ħafna diffikultajiet biex timplimenta.
Il-proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni għal sistema ta’ punti fil-ħruġ ta’ permessi għal residenza lil barranin f’pajjiżna, ressaqha waqt li tkellem dwar l-isfida tal-immigrazzjoni.
Appoġġ għall-pożizzjoni li ħa l-Gvern fis-summit dwar l-immigrazzjoni
Simon Busuttil iddikjara li jilqa’ l-konklużjonijiet tal-aħħar summit Ewropew u esprima appoġġ għall-pożizzjoni li ħa l-Gvern fis-summit dwar l-immigrazzjoni.
Il-pożizzjoni taż-żewġ naħat tal-Kamra huma viċin ħafna ta’ xulxin. Simon Busuttil qal li minn dejjem ħadem biex ikun hawn element ta’ kunsens dwar il-politika sensittiva tal-immigrazzjoni. Fisser dan bħala pass pożittiv li Gvern u Oppożizzjoni qed jitkellmu bl-istess lingwaġġ fuq l-immigrazzjoni, bil-Prim Ministru biddel ħafna mill-pożizzjoni u l-lingwaġġ li kien jitkellem bih. Simon Busuttil saħaq li Malta ma tistax ittella’ ħajt fil-baħar bħalma Malta ma tistax tagħmel ukoll pushbacks.
Pass ‘il quddiem fil-proċess ta’ qsim tar-responsabbiltà fl-isfida tal-immigrazzjoni
Fisser ukoll li l-konkulużjonijiet tas-summit kienu pass ‘il quddiem fil-proċess ta’ qsim tar-responsabbiltà fil-problema tal-immigrazzjoni, u hu ftehim kruċjali għall-kredibbiltà tal-UE dwar il-politika tal-immigrazzjoni. Appella lill-Gvern jitkellem mal-Oppożizzjoni biex jibqa’ jkun hemm vuċi waħda dwar din il-politika.
Il-Prim Ministru wieġeb li Gvern u Oppożizzjoni qed jersqu lejn xulxin fuq il-ħsieb dwar l-immigrazzjoni għaliex l-UE wkoll qed tħares lejha b’mod aktar fattwali u realistiku. Semma li kienet l-UE li biddlet il-pożizzjoni tagħha. Il-prinċipju tal-qsim tar-responsabbiltà fl-isfida tal-immigrazzjoni li sa sena ilu ma kienx aċċettat, illum hu aċċettat.
Il-Prim Ministru qal ukoll li qed ninsistu li dawk il-pajjiżi li ma jkunux iridu jidħlu f’din is-sistema ta’ qsim tar-responsabbiltà, japplikaw ċertu sansjonijiet u jkunu implimentati prinċipji fl-UE li s’issa qatt ma kienu applikati.
//= $special ?>