Edukazzjoni Lokali

L-MUT tfakkar il-Jum Dinji tal-Għalliema

Il-Union tal-Għalliema (MUT) fakkret il-Jum Dinji tal-Għalliema f’konferenza tal-aħbarijiet, li fiha identifikat l-isfidi ewlenin li għandhom l-għalliema u sostniet li l-problema tat-traffiku fit-toroq mhix marbuta biss mal-iskejjel.

Il-President tal-MUT Kevin Bonello qal li l-union għamlet diversi proposti lill-Gvern, fosthom li t-tfal tas-Sekondarja għandhom jingħataw aċċess b’xejn għal tal-linja. B’hekk, jitnaqqas l-użu ta’ trasport ieħor għall-istudenti u jonqsu l-vetturi mit-toroq fil-ħinijiet tal-iskejjel.

Kevin Bonello ġab eżempju bih innifsu u qal li dalgħodu, meta ma kienx hawn maltemp, dam sejjer siegħa u tliet kwarti minn Marsaskala sal-Belt.

L-MUT qed tiddiskuti wkoll mal-Gvern proposta li s-snajja jiddaħħlu fl-iskejjel fil-livelli sekondarji biex l-istudenti jkollhom għażliet aħjar għall-futur tagħhom.

Il-President tal-MUT semma’ wkoll il-problemi li qed jiffaċċjaw għalliema li jkollhom numru ta’ studenti li ma jafux jitkellmu bl-Ingliż u lanqas bil-Malti fil-klassijiet. Hu ppjanat li jsir ċentru għal dawn l-istudenti, li fil-maġġornza huma tfal ta’ immigranti mil-Lvant tal-Ewropa.

L-MUT hi mħassba wkoll dwar każi fi Skejjel tal-Knisja, partikolarment Stella Maris, fejn numru rekord ta’ għalliema qed jitkeċċew mix-xogħol qabel intemmu l-probation.

Dwar dan, l-MUT ikkomunikat mal-Knisja iżda ma kellhiex tweġiba. Jeħtieġ ukoll, sostna l-President tal-MUT, li l-MCAST jifhem li l-pożizzjoni li tieħu l-MUT tittieħed għall-ġid tal-għalliema u mhux biex tfixkel lill-istituzzjoni.