Claudio Bugeja kien wieħed mill-persuni li l-Ħadd li għadda ħa l-karozza tiegħu għall-wiri waqt Paqpaqli għall-Istrina! imma qatt ma mmaġina li avveniment bħal dan kien se jinbidel f’inċident traġiku li ħalla 26 persuna feruti gravi u ħafna oħrajn, fosthom hu, b’ġrieħi ħfief.
Imma fuq kollox Claudio hu wieħed mill-eroj b’rabta ma’ dan l-inċident – minkejja li kien għadu kif qala’ daqqa ta’ barrier tal-ħadid f’nofs dahru, Claudio ra raġel ta’ 54 sena mill-Fgura maqbud bejn żewġ karozzi, nesa’ l-uġiegħ u kien l-ewwel li mar jipprova jeħilsu minn morsa li setgħet kienet fatali.
“Dak il-ħin illargajt ftit minn fejn il-karozza tiegħi u mort ma ħabib tiegħi biex nara l-Porsche,” jiftakar Claudio f’kummenti lil dan is-sit.
Jispjega li dak il-ħin sema’ t-tyres tal-vettura jwerżqu u nduna li l-Porsche kienet ġejja fuqhom. “Dak ilħin kont qed nibgħat messaġġ u kif għollejt rasi nara l-karozza ġejja fuqna. Ksaħt. L-unika ħaġa li għamilt dort kontra u ħassejt daqqa ma’ dari minn barrier,” kompla Claudio.
“Dak il-ħin ridt nara x’ġara u mort mill-ewwel fejn kien hemm it-tifrik tal-karozzi. Rajt nies mixħutin fl-art, imċarrtin bid-dmija fuqhom. Ma kontx naf x’se naqbad nagħmel u rajt raġel imrassas bejn żewġ karozzi. Ma bediex jiċċaqlaq,” jiftakar Claudio.
Jgħid li dak il-ħin telaq jiġri biex jipprova jmexxi l-vetturi. Ġibed l-attenzjoni ta’ xi nies biex imorru jgħinuh u ħarġuh minn hemm qabel waslu l-infermiera u ħallew il-ħidma f’idejhom.
L-intervent immedjat ta’ Claudio u grupp ta’ persuni, inkluż Kuntistabbli tal-Pulizija, salva ħajjet ir-raġel, li madankollu għadu jinsab f’qagħda kritika u f’koma.
//= $special ?>