Il-ftehim ma’ Vitalis Global Healthcare Ltd/Bluestone u dak ma’ Barts jibqgħu sigrieta
Il-Gvern jibqa’ jaħbi u jgħid mill-inqas dwar il-kumpanija Vitalis Global Healthcare Ltd/Bluestone, li magħha għamel ftehim biex tmexxi s-sistema tas-saħħa f’pajjiżna. Il-Ministru Konrad Mizzi reġa’ ma ppreżentax fil-Parlament il-ftehim iffirmat ma’ din il-kumpanija.
Il-Ministru Konrad Mizzi baqa’ jirreżisti u ma jagħtix widen għat-talbiet tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern jippubblika l-ftehim li laħaq ma’ Vitalis Global Healthcare Ltd/Bluestone, u ħarab għal darb’oħra mill-mistoqsija tax-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg li għal darb’oħra fil-Parlament talbet lill-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li għamel mal-kumpanija li ntgħażlet bħala l-preferred bidder biex tmexxi s-sistema tas-saħħa f”pajjiżna.
Ilbieraħ fil-Parlament, il-Ministru Konrad Mizzi qal biss li l-Gvern se jżomm l-istakeholders u lill-Parlament aġġornat bl-iżviluppi dwar il-Public Private Partnership f’Għawdex u fis-sit tal-Isptar San Luqa.
Il-Ministru Konrad Mizzi lanqas ma wieġeb għall-mistoqsijiet tax-Shadow Minister dwar jekk hux minnu li Vitalis Global Healthcare Ltd/Bluestone għadha qed tfittex l-investituri hi stess sabiex jappoġġjawha għaliex finanzjarjament mhix b’saħħitha biżżejjed.
Lanqas ma ta dettalji dwar x’tip ta’ due dilegence għamel il-Gvern fuq din il-kumpanija, u dwar l-assi ta’ din il-kumpanija.
Il-Ministru Mizzi wieġeb biss li l-kumpanija msemmija ssottomettiet business plan u financing plan li skont hu, huma ta’ livell għoli kif meħtieġ – tweġiba li taħrab il-mistoqsija diretta biex jippubblika l-ftehim mal-Vitalis Global Healthcare Ltd/Bluestone.
Il-Gvern qed jirreferi għall-Isptar t’Għawdex bħala l-Isptar ta’ Barts
Il-Gvern lanqas ma jrid jippubblika u jippreżenta fil-Parlament il-ftehim mal-iskola medika ta’ Barts.
Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg staqsiet lill-Ministru Konrad Mizzi jgħid għalfejn fil-Pre-Budget Document 2016, il-Gvern qed jirreferi għall-Isptar t’Għawdex bħala l-Isptar ta’ Barts f’Għawdex meta Barts suppost li mhumiex l-investituri. Għal darb’oħra staqsiet lill-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li ffirma ma’ Barts – mistoqsija li ilha tagħmel sa mill-bidu li l-Gvern ħabbar li ffirma l-ftehim.
Ir-risposta tal-Ministru Konrad Mizzi kienet biss li l-Isptar ta’ Għawdex ser iservi bħala teaching hospital għall-iskola medika ta’ Barts u li l-ftehim ġie kkordinat mill-Malta Enterprise.
//= $special ?>