Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, ordnat lill-kumpanija Easygas biex tħallas danni ta’ €578,715 lil Liquigas, talli ġabret u użat iċ-ċilindri ħodor u sofor ta’ Liquigas.
Fl-istess ħin, il-Qorti ordnat llil Easygas biex, b’effett immedjat, tieqaf tiġbor iċ-ċilindri ħodor u sofor ta’ Liquigas hekk kif iddikjarat li ċ-ċilindru jibqa’ propjetà tal-kumpanija li tkun qed tfornih, li tibqa’ wkoll responsabbli għall-manutenzjoni u l-ittestjar tagħhom.
F’reazzjoni, il-kumpanija Liquigas qalet li s-sentenza tal-Qorti tikkonferma li ċ-ċilindri ħodor u sofor huma kollha propjetà tagħha u li meta kumpanija tissuplixxi ċilindru lill-konsumatur, tkun qed tbiegħlu l-gass li jkun hemm fiċ-ċilindru u mhux iċ-ċilindru nnifsu.
Spjegat li dan hu skont il-liġi ta’ Malta u dik ta’ pajjiżi oħra biex l-interess tal-konsumatur ikun imħares.