Lokali

Aġġornata: Ir-raġel involut fl-argument tal-bieraħ fil-parkeġġ tal-Ajruport jitlef il-ġlieda mal-mewt

Ir-raġel ta’ 35 sena mill-Imqabba, li lbieraħ waranofsinhar ħassu ħażin waqt argument fil-parkeġġ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, sfortunatament tilef il-ġlieda kontra l-mewt.

L-argument seħħ għall-ħabta tal-4.30pm bejn ir-raġel, li hu xufier ta’ taxi, u raġel ta’ 34 sena mill-Fgura. Mal-wasla tal-Pulizija, huma sabu lir-raġel mill-Imqabba mixħut mal-art jingħata l-ewwel għajnuna.

Il-Pulizija qalet li r-raġel ma nstabx li kellu sinjali tal-vjolenza u għadu mhux magħruf jekk spiċċax mal-art kawża tal-argument innifsu. Ir-raġel l-ieħor qed jiġi interrogat mill-Pulizija u qed jgħin fl-investigazzjonijiet.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ, filwaqt li l-Maġistrat tal-għassa ordna li ssir Inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh.