Jitwaqqaf grupp ta’ ħidma li se jistudja s-sitwazzjoni tat-traffiku u toħroġ bi proposti konkreti
L-Oppożizzjoni se tagħti prijorità għas-soluzzjoni tal-immaniġġjar tat-traffiku f’pajjiżna bil-Kap tal-Oppożizzjoni jħabbar li waqqaf Grupp ta’ Ħidma biex jistudja fid-dettal mil-lenti tas-sitwazzjoni tal-lum, u jippreżenta propsoti tajbin u radikali li jħarsu lejn il-futur u jipprovdu soluzzjonijiet.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tkellem dwar il-proposti li se tkun qed tresaq l-Oppożizzjoni filwaqt li kkritika bil-qawwa l-arroganza ta’ dan il-Gvern li sena ilu, fid-diskors tal-baġit, injora l-proposta li kien għamel meta ppropona li l-Gvern għandu joffru u jiffinanzja servizz ta’ trasport pubbliku għall-iskejjel ukoll tal-knisja u dawk indipendenti biex tonqos il-konġestjoni tat-traffiku meta s-sitwazzjoni hi li ħafna ġenituri joħorġu huma jwasslu lil uliedhom l-iskola.
Meta tkellem dwar il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna, Simon Busuttil qal li din hi attitudni ta’ Gvern arrroganti u fakkar li sena ilu l-Gvern iddieħak b’din il-proposta meta llum is-sitwazzjoni tat-traffiku hi kaotika u konfuża.
Proposta tal-Oppożizzjoni li taffettwa kważi 30,000
Simon Busuttil qal li l-proposta tal-Oppożizzjoni kienet taffettwa eluf ta’ nies, kważi 30,000.
Din il-propsta l-Gvern daħak biha u injoraha, filwaqt li għolla bi tliet darbiet għal €30 miljun is-sussidju għat-trasport pubbliku.
Simon Busuttil qal li kwistjoni tat-traffiku saret kwistjoni serja u kulħadd qed jgħixha u jitkellem dwarha.
Semma li anke s-surveys juru ċar li l-problema tat-traffiku hi fil-quċċata tal-inkwiet tan-nies, u kellha tkun l-Oppożizzjoni li fuq materja nazzonali tressaq mozzjoni u dibattitu fil-Parlament
It-traffiku qed iħalli impatt fuq l-ekonomija
Fisser ukoll li s-sitwazzjoni llum hi ħażina tant li n-nies iridu jaħlu siegħa filgħodu u oħra filgħaxija mwaħħlin fit-traffiku. Semma li mit-Tnejn sal-Ġimgħa, ikun hemm għaxar sigħat fil-ġimgħa ta’ kull persuna mwaħħla fit-traffiku – li jammonta għal ġurnata xogħol fil-ġimgħa moħlija fit-traffiku. Simon Busuttil qal li dan joħloq frustrazzjoni u ragħbja.
Minbarra t-tfal tal-iskola li qed jaslu tard l-iskola, hemm ħaddiema li qed jaslu tard għax-xogħol, pazjenti jaslu tard għall-appuntament u tard ukoll għall-operazzjonijiet. Kien hemm min ukoll tilef it-titjira mill-ajruport. In-negozji wkoll qed jiġu affettwati ħażin u qed tiġi affettwata wkoll l-ekonomija għaliex il-ħin jiswa l-flus.
Semma wkoll l-effett tat-traffiku fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż tal-arja hu ferm ogħla.
Risposta tal-Gvern li hi insult għall-intelliġenza tan-nies
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkritika l-mod kif tkellmu kelliema tal-Gvern, bil-Ministr Owen Bonnici jitkellem b’insult għall-intelliġenza tan-nies meta jgħid li l-Oppożizzjoni ma resqitx proposti u li l-Gvern jistenna l-proposti tal-Oppożizzjoni.
Ikkritika wkoll lill-Gvern li f’sentejn u nofs, sa nofs leġiżlatura, ħoloq diżastru bi traffiku ġġamjat u dan għaliex is-sitwazzjoni marret għall-agħar u għall-agħar ħafna bil-Gvern lanqas ma jirnexxielu jħaliha fl-istess livell li kienet.
Gvern bla roadmap lanqas għat-traffiku
Dan hu Gvern li tela’ bl-għajta ta’ roadmap għat-traffiku, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jirrimarka li għat-trafifku nkixef ukoll li m’għandux roadmap.
Semma li l-proposti tal-Gvern kienu li jitneħħew iż-żwienel mit-toroq, imbaġad li se jitneħħew it-trakkijiet mit-toroq u issa ħarġu proposti oħrajn mill-Prim Ministru li tinħoloq sistema ta’ kareġġjati li jinbidlu skont il-ħin tat-traffiku.
Issemmiet ukoll il-proposta ta’ toroq taħt l-art bil-Kap tal-Oppożizzjoni jirrimarka li l-Gvern lanqas għamel triq fuq l-art. Anke l-proġett ta’ Triq il-Kosta għadu mhux finalizzat minkejja li nbeda minn amministrazzjoni Nazzjonalista. Il-proġett tal-Kappara u dak propost fil-Marsa ukoll lgħadhom fl-arja.
Pika bejn Ministri tal-Gvern
Semma wkoll il-pika bejn il-Ministri Evarist Bartolo u Joe Mizzi, bil-Ministru Bartolo għandu jiddikjara li qiegħed jirtira l-proposta li hemm fil-White Paper li ħarġet xahrejn ilu li t-tfal iqumu siegħa qabel biex imorru l-iskola.
Simon Busuttil appella lill-Gvern ma jkunx arroganti u jaċċetta proposti tal-Oppożizzjoni, bħalma hi wkoll inċentivi għal aktar użu mir-roti li jistgħu jintużaw minn ħafna aktar fi vjaġġi bejn villaġġi u lokalitajiet li huma viċin ħafna ta’ xulxin.


