Parlament

Mozzjoni mressqa fil-Parlament: Ir-riforma mwiegħda falliet

L-Oppożizzjoni sejħet għal dibattitu fil-Parlament dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna riżultat taż-żieda qawwija ta’ traffiku fit-toroq minħabba nuqqas ta’ immaniġġjar u pjan serju, u dwar l-impatt li dan qiegħed iħalli fuq pajjiżna.

F’mozzjoni li ppreżentat lill-Ispeaker, l-Oppożizzjoni talbet lill-Gvern jindirizza bis-serjetà l-problema tat-traffiku. Appellat ukoll lill-Gvern iħejji bla aktar dewmien pjan effettiv dwar l-immaniġġjar tat-traffiku, u jwettaq l-istess pjan.

Il-mozzjoni lill-Ispeaker Anġlu Farrugia kienet ippreżentata mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi, Mario de Marco, u mix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport, Marthese Portelli, fil-preżenza tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius.

Fil-mozzjoni, l-Oppożizzjoni tirreferi għall-fatt li t-traffiku fit-toroq żdied drastikament f’dawn l-aħħar sentejn u nofs u b’riżultat ta’ dan inħoloq inkonvenjent kbir li l-poplu kollu jrid jiffaċċja kuljum.

Tfakkar li waħda mill-wegħdi ewlenin li kien għamel il-Gvern fil-Manifest Elettorali tiegħu kienet li jassigura li ma jkunx hawn problema ta’ traffiku f’pajjiżna. Wegħdi oħrajn kienu National Traffic Management Plan, Unit ta’ Koordinament u li l-Gvern kellu jtejjeb u jżid l-effiċjenza fit-trasport pubbliku.

L-Oppożizzjoni nnotat ukoll li, minkejja l-wegħdi li saru mill-Gvern, is-sitwazzjoni marret għall-agħar ħafna.

Il-mozzjoni tirrimarka wkoll li r-riforma mwiegħda mill-Gvern fit-trasport pubbliku falliet. In-nies qegħdin jagħżlu li jużaw il-karozzi personali tagħhom peress li t-trasport pubbliku mhux qed isibuh adegwat għal varji raġunjijiet, ewlenin fosthom li l-ħinijiet ta’ xħin suppost tgħaddi l-karozza tal-linja mhux qegħdin jinżammu b’diversi rotot jinqabżu jew ma jsirux.

L-Oppożizzjoni rrimarkat li l-Gvern m’għandu l-ebda pjan, l-ebda roadmap u l-ebda viżjoni sabiex tiġi indirizzata din il-problema.

Studju tal-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Università ta’ Malta, juri li Malta,sal-2020, se tkun qiegħda esposta għal €89 miljun fi spiża relatata ma’ inċidenti tat-traffiku; €15.3 miljun fi spiża marbuta mal-kwalità tal-arja; €51.2 miljun fi spiża marbuta ma’ spejjeż fir-rigward ta’ tibdil fil-klima; u €151 miljun fi spiża li tirriżulta direttament tal-ħela ta’ ħin fit-traffiku.

L-Oppożizzjoni qalet li din is-sitwazzjoni taż-żieda qawwija fit-traffiku qed tkun il-kaġun ta’ nkonvenjent għall-poplu Malti u Għawdxi u għan-negozju; problemi ekonomiċi; problemi fejn qed titnaqqas il-kompetittività; problemi ambjentali; problemi soċjali; problemi ta’ saħħa; problemi loġistiċi; problemi ta’ capacity; problemi ta’ mobilità, kif ukoll spiża u nefqa ikbar fuq il-pajjiż.