Il-Gvern fi stqarrija li ppubblika llum tard dalgħodu, ikkoreġa s-salarju li l-Gvern qiegħed iħallas lil Konsulent fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, bil-Ministeru jiddikjara issa li l-ħlas hu ta’ €28,420 fis-sena u mhux kif kien dikjarat fil-Parlament ta’ €28,420 kull erba’ ġimgħat.
F’risposta li l-Ministru George Vella ta fil-Parlament bil-miktub għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono, intqal li konsulent impjegat mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin appuntat mill-Gvern Laburista, qed jitħallas salarju ta’ elf ewro kuljum, b’total li jitla’ €28,420 kull erba’ ġimgħat.
Tabella li l-Minsiteru qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta tal-bieraħ filgħaxija, kienet turi li s-salarju ta’ dan il-konsulent, Salvino Giusti, jitla’ sa €369,460 fis-sena, u ma’ dan igawdi wkoll minn ħlas ieħor ta’ €59,261. Din l-informazzjoni ngħatat bil-miktub fil-Parlament mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella.
Fi stqarrija u f’komunikat li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin bagħat lill-Ispeaker b’rabta mar-risposta li ta l-Ministru George Vella, kien dikjarat li ċ-ċifra tal-ħlas lill-konsulent tal-Ministeru, Salvino Giusti, kellha taqra €28,420 fis-sena u mhux kull erba’ ġimgħat. Kien ikkonfermat ukoll l-allowance ta’ €59,261 fis-sena li l-Ministeru qal li qiegħed jingħata minħabba li qiegħed jaqdi d-dmirijiet ta’ Konslu Ġenerali f’Sydney.
Il-Gvern Laburista impjega lil Salvino Giusti bħala konsulent għall-Affarijiet Konsolari, fl-1 ta’ Frar tas-sena l-oħra, bħala persuna ta’ fiduċja tal-Gvern fil-Konsulat Ġenerali tal-Gvern Malti f’Sydney.
//= $special ?>