Il-familji Għawdxin qed jinħakmu minn sitwazzjoni ta’ inċertezza u għal dan, il-Partit Nazzjonalista hu mħasseb. Dan fid-dawl tal-ħabi tal-Gvern fuq l-għażla tal-‘preferred bidder’ minn tliet applikanti, għall-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar St. Luke’s u Karin Grech, proċess li seħħ fi żmien ħames ġimgħat.
Dan qalu x-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha sostna li qegħda tikber l-inċertezza fost il-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Fost iktar minn 900 ħaddiem, 800 minnhom huma impjegati tal-Gvern u 100 oħra huma imħaddma minn kuntrattur privat. Dan jagħmel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex l-ikbar post tax-xogħol f’Għawdex. Dan ifisser ukoll li iktar minn 900 familja Għawdxija huma f’riskju ta’ inċertezza dwar il-futur ta’ xogħolhom.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Chris Said saħaq li filwaqt li l-Isptar St. Luke’s u Karin Grech mhumiex l-uniċi sptarijiet pubbliċi f’ Malta, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huwa l-unika sptar fejn kemm pazjenti Għawdxin kif ukoll dawk kollha li jżuru l-gżira Għawdxija jistgħu jmorru għall-kura medika. Dan ifisser ukoll li ħaddiema Għawdxin m’għandhom l-ebda ċertezza li se jżommu xogħolhom jekk l-isptar jiġi privatizzat, imma jistgħu jiġu trasferiti għal Malta.
Ħaddiema inkwetati qegħdin iduru lejn il-Ministeru għal Ghawdex għar-risposti, risposti li s’issa għadhom ma rċevewx, u li mhumiex se jirċievu, kemm għaliex Anton Refalo u Konrad Mizzi qed jirrifjutaw li jagħtu risposti, u kemm għaliex Joseph Muscat neħħa l-ġurisdizzjoni tas-saħħa minn taħt il-Ministeru għal Għawdex, żied jgħid Chris Said.
Minn naħa tagħha, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg kompliet fuq dak li qal Chris Said u rreferiet għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li għamlet lill-Ministru Konrad Mizzi, fosthom għaliex il-kumpanija li ntgħażlet bħala l-‘preferred bidder’ qegħda hija innifisha tfittex l-investituri, u għaliex il-Gvern qiegħed jibqa’ lura milli jippublika l-ftehim mal-Vitalis Global Healthcare – Bluestone. Tħassib iqum ukoll meta f’Awwissu inħarget legal notice mill-Gvern li żvilupp fuq il-proprjeta’ tal-Isptar jista’ jsir bla applikazzjoni għall-permess mill-MEPA. Claudette Buttigieg staqsiet ukoll għalfejn din il-privatizzazzjoni ma ssemmietx fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013.
Claudette Buttigieg temmet tgħid li l-Oppożizzjoni qed tappella sabiex, f’ġieħ it-trasparenza li tant jippriedka fuqha il-Gvern, jingħataw risposti u jiġu ippubblikati d-dokumenti neċessarji sabiex jiġi provdut is-serħan tal-moħħ, kemm lill-ħaddiema Għawdxin u l-familji tagħhom, kif ukoll dawk li jagħmlu użu mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
//= $special ?>