Lokali

Proposti mill-UBS dwar il-problema tat-traffiku – Il-ħinijiet tal-iskejjel tal-Gvern ikunu mtarrġin bi kwarta ’l hemm u ’l hawn

Il-kumpanija Unscheduled Bus Service (UBS) – li topera servizz privat tal-coaches fost l-oħrajn anke fil-qasam tat-trasport tat-tfal tal-iskejjel – iddikjarat li fl-opinjoni tagħha s-soluzzjoni għall-problema tat-traffiku u l-konġestjonijiet ta’ filgħodu tista’ tkun li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-iskejjel tal-Gvern jiġu mtarrġa bi kwarta ’l hemm jew kwarta ’l hawn.

Din il-proposta hi waħda minn lista sħiħa li l-UBS ressqet permezz ta’ stqarrija li fiha tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ pjan strateġiku għall-immaniġġjar tat-traffiku.

Il-UBS qalet li l-membri tagħha qed jilmentaw li vjaġġ li qabel kien jieħu tletin minuta illum qed jeħdilhom madwar sagħtejn.

Filwaqt li esprimiet simpatija mal-pubbliku li qed jinqabad fit-traffiku wieqaf għal ħinijiet twal – b’mod partikolari ma’ dawk il-ġenituri li jesperjenzaw dewmien biex jitwasslu t-tfal tagħhom lejn u mill-iskejjel, u li fosthom hemm uħud li jużaw is-servizzi tagħha – il-UBS sostniet li għandhom jiġu kunsidrati miżuri biex jitnaqqas dan id-dewmien.

Hu f’dan l-ispirtu li l-UBS għamlet il-proposta li l-iskejjel tal-Gvern jibdew jiftħu f’ħinijiet differenti li jvarjaw bi ħmistax-il minuta.

Sostniet ukoll li minħabba l-istess dewmien qed jaslulha wkoll ħafna lmenti minn turisti li jispiċċaw iqattgħu sigħat fit-trasport organizzat, jew inkella dan jasal tard. U dan, qalet il-UBS, qed jagħmel ħsara lill-industrija tat-turiżmu.

Fost miżuri oħra li ssuġġeriet l-Unscheduled Bus Service hemm li jiddaħħlu aktar inċentivi biex il-ġenituri li jużaw il-karozzi privati tagħhom biex iwasslu it-tfal lejn l-iskola jużaw trasport organizzat, restrizzjoni taċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi kummerċjali kbar bħal delivery vans, scammels, bowsers kif ukoll karrozzini fir-rush hour, li ma jingħalqux karreġġjati sħaħ għat-tisqija tas-centre strips f’dawk il-ħinijiet, u aktar Pulizija u Gwardjani Lokali fit-toroq li jagħtu għall-iskejjel u f’ċerti junctions biex jitmexxa t-traffiku.

Il-UBS qed tissuġġerixxi wkoll multi għal min jaħbat front-to-rear u jibqa’ fuq il-post minflok ma jimla l-formola li hemm apposta u jwarrab il-vetturi, kontrolli fuq il-Kunsilli Lokali li joħorġu permessi għall-għeluq tat-toroq b’mod indiskriminat u għal żmien aktar milli hemm bżonn għal krejnijiet jew minħabba raġunijiet oħra, valutar tal-impatt tas-swieq (open-air markets) fi nħawi li jikkawżaw problemi ta’ traffiku, aktar insistenza li xogħlijiet fuq it-toroq għandhom jitlestew mill-kuntratturi fl-iqsar żmien, u immaniġġjar aħjar tal-ħinijiet tal-isptarijiet, iċ-Ċentri tas-Saħħa u l-Qrati fejn l-appuntamenti spiss jibdew kollha fid-9am.

Dawn, qalet il-UBS, huma biss xi wħud mis-suġġerimenti prattiċi li ma jiswewx ħafna flus biex jitwettqu, u bħalhom jista’ jkun hemm ħafna iżjed.

L-istqarrija ttemm tgħid li hemm bżonn li l-awtoritajiet jieħdu din il-problema bis-serjetà.