Persuna li fil-ħin tad-delitt tal-Avukat Carmel Chircop kienet qed tistenna tal-linja madwar 100 metru biss bogħod minn fejn seħħet l-ispratura f’kumpless ta’ garaxxijiet fi Triq Ġanni Borg, f’Birkirkara spjegat li x-xena kienet waħda surreali.
“Smajt ħoss bħal qisu tir imma dak il-ħin lanqas biss tajt każ x’kien qed jiġri għaliex fi triq użata minn ħafna ma tistenniex li se tisma’ tir ta’ arma tan-nar,” spjegat din il-persuna ma’ NETnews.com.mt.
Imma fi ftit ħin wara bdiet tara n-nies jiġru xxukkjati minn dak li kienu assistew għalih. “Kont ixxukkjata, skoprejt x’ġara għaliex żewġ persuni li ġrew lejja bdew jgħidu li sparaw lejn raġel. Kienet xi ħaġa surreali, sitwazzjoni tal-biża’ u stramba.”
Kompliet li dak il-ħin lanqas kienet taf x’għandha tagħmel frott il-biża’ li l-aggressur seta’ kien għadu fil-post. Kien għalhekk li mxiet għall-waqfa li jmiss tal-karozza tal-linja biex marret għax-xogħol.
//= $special ?>