Grupp ta’ 19 refuġjati mill-Eritreja l-Ġimgħa li telqu mill-Italja lejn l-Iżvezja. Dan bħala parti mill-pjan tal-Unjoni ewropea biex jitqasmu 120,000 refuġjat li daħlu fl-Italja u l-Greċja. L-Eritrej telqu mill-ajruport ta’ Ciampino, f’Ruma, fejn kien hemm il-Kummissarju tal-UE għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos u l-Ministru għall-Intern Taljan Angelino Alfano.
Skont il-pjan tal-UE, għandha ssir ir-ridistribuzzjoni ta’ 120,000 refuġjat mill-Italja u l-Greċja lejn stati oħra tal-Unjoni. Iżda qed joġġezzjonaw għal dan ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovakkja, li qed jinsistu biex l-UE ssaħħaħ il-fruntieri esterni.
Din is-sena, iktar minn 550,000 immigrant waslu fil-pajjiżi tal-UE, u ħafna minn dawn qegħdin jaħarbu mill-konflitti u kundizzjonijiet ta’ gwerra. Il-Ġermanja hi l-aktar pajjiż Ewropew li qed jilqa’ immigranti fi ħdanu. L-UE qed twaqqaf hotspots fl-Italja u l-Greċja li jservu bħala ċentri għar-reġistrazzjoni tal-immigranti l-ġodda. Hawnhekk qed tingħata prijorità lir-refuġjati li jeħtieġu protezzjoni fuq livell internazzjonali.
Il-Ministri għall-Intern tal-UE, nhar il-Ħamis, qablu li fost affarijiet oħra, isaħħu l-qawwa Frontex li tħares is-sigurtà mal-fruntieri tal-Ewropa, bl-iskop li jitħaffu d-deportazzjonijiet ta’ immigranti li ma jikkwalifikawx għall-kenn politiku.
Madankollu, il-UE hi marbuta bil-liġi internazzjonali li ma tibgħatx lura immigranti lejn pajjiżi fejn ħajjithom tkun mhedda.