Dentist fil-Greċja ħalla l-karriera tiegħu u biegħ kull ma kellu biex jgħin lill-klieb.
Theoklitos Proestakis, jew Takis kif inhu magħruf fi Kreta fejn jgħix, waqqaf xelter għall-annimali u salva mill-inqas 200 kelb wara li ma felaħx jara iktar annimali maħqura jew abbandunati fit-toroq.
Takis, mad-Daily Mail, qal li biegħ il-karozza u l-karavan tiegħu, ma fadallu xejn u kellu jissellef il-flus biex waqqaf ix-xelter u qed jingħata ħafna għajnuna minn barranin li jappoġġjaw il-kampanja tiegħu.
Spjega li kollox beda meta beda jara ħafna iktar klieb abbandunati fit-toroq, ħafna drabi fi stat tal-biki, anke maħqura jew morda, hekk kif bil-kriżi tal-Greċja, ħafna qed jispiċċaw ma jlaħħqux mal-ispejjeż biex jieħdu ħsieb l-annimali u jarmuhom ’il barra.
Fil-Greċja għadha mhix mentalità li annimal jiġi msewwi u ħafna kienu qed jispiċċaw b’numru mdaqqas ta’ annimali fid-dar. Illum il-ġurnata, l-ispejjeż tal-veterinarju telgħu tant li għal ħafna, hu iktar għoli tħallas lill-veterinarju milli l-kera tal-post li jgħixu fih. Dan minbarra l-ikel u l-ħwejjeġ l-oħra li annimali jkunu jeħtieġu b’mod regolari.
Takis spjega li għall-bidu beda jieħu l-ikel u x-xorb lill-klieb li kien jara abbandunati u li kien jifraħ meta kien jarahom jibdew jiġu f’tagħhom. Spjega però li ġirien ma ħadux gost li hu kien qed jieħu ħsieb l-annimali barra, u heddew li kienu se joqtluhom, għalhekk spiċċa biex fetaħ ix-xelter. Illum, ix-xelter hu mifrux fuq 5,200 metru kwadru ta’ art u jilqa’ madwar 200 kelb. Irid €1,300 fix-xahar biex jagħtihom x’jieklu u mas-€700 fix-xahar għall-veterinarji – mat-98% tal-flus meħtieġa jiġu minn donazzjonijiet minn barra l-pajjiż, l-iktar mill-Istati Uniti u mill-Ewropa.
Takis qal li l-veterinarji fil-Greċja ma tantx jaffordjaw jagħmlu affarijiet b’xejn u minkejja li jtuh skont, xorta tiswielu mal-€150 biex isewwi annimal. Qal li fl-aħħar tliet snin, minn butu ħallas biex jiġu msewwija bejn 50 u 60 kelb.
Nies li tkellmu mad-Daily Mail, spjegaw kif ir-raġel jaħdem sebat ijiem fil-ġimgħa biex jieħu ħsieb l-annimali u malli jmur lura d-dar, jitfa’ ritratti ta’ xi klieb fuq l-internet bit-tama li jkun hemm min irid jadottahom. Imma ma tgħaddix ġurnata waħda li ma jsibx kelb ieħor abbandunat.
Takis spjega li minn meta beda jitfa’ r-ritratti fuq l-internet, żdied l-għarfien tan-nies dwar dak li jagħmel u kienu mhux ftit dawk li riedu jgħinu. Ftit jiem ilu rnexxielu jixtri vann permezz ta’ donazzjonijiet li ngħatawlu, biex hekk ikun jista’ jieħu l-klieb għand il-veterinarju jew l-ajruport meta jiġu adottati barra mill-pajjiż.
“Din hi ħajti”, spjega, “hi diffiċli imma nħobbha. Naħdem ħafna imma meta nara lill-klieb ferħana u li jkunu qed jerġgħu jibdew jafdaw lil dak li jkun, nimtela’ sodisfazzjon”.
//= $special ?>