Il-Mument illum żvelat kif it-Tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma tħarisx lejn il-priġunieri kollha bl-istess mod u filwaqt li tqis fost dawn bħala priġunieri tal-ewwel klassi, tqis oħrajn fi klassijiet inferjuri. Dan jirriżulta bl-aktar mod ċar meta wieħed janalizza kif imxiet it-Tmexxija tal-Faċilità fir-rigward ta’ inċidenti li seħħew matul ix-xhur li għaddew.
Mingħajr ma’ Il-Mument ssemmi ismijiet, tiżvela kif fir-rigward ta’ ċerti priġunieri t-Tmexxija tal-Ħabs għażlet li tagħlaq għajnejha t-tnejn jew għażlet li tagħlaq għajn waħda. Iżda fil-konfront ta’ priġunieri oħra għal inċidenti simili għażlet li taġixxi b’mod sever u qawwi biex twassal messaġġ fost il-priġunieri kollha.
Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument spjegaw li dak li bosta drabi qed jiġri hu li t-Tmexxija tal-Ħabs taġixxi skont il-kulur politiku u, aktar minn hekk, skont il-priġunier min ikun.
Jekk ikun xi priġunier li jkollu lil xi ħadd qrib tiegħu viċin xi ras kbira fil-Gvern Laburista li b’xi mod jista’ jkun ta’ influwenza fuq il-Ħabs, allura lil dan jittrattaw bl-ingwanti u b’ħafna diskors ta’ ‘terġax’. Imma jekk il-priġunier jinzerta forsi ma jkollux il-kulur politiku tal-Gvern tal-ġurnata, allura dan żgur li jispiċċa jaqlagħha fuq rasu.
Id-diskriminazzjoni hi ovvja ħafna u l-priġunieri huma konxji ħafna ta’ din is-sitwazzjoni u jafu li hemm min fosthom li hu ppreferut ħafna.
Dan japplika wkoll għar-rigward ta’ kif jingħata x-xogħol. Priġunier li ma jkunx ħaqqu jingħata ċans li jmur jaħdem fil-komunità jitħalla jmur jaħdem minkejja l-imġiba tiegħu, u ieħor li forsi jkun naqas xi ftit u jkun għadda ż-żmien mill-inċident li jkun involut fih, jibqgħu jżommu iebes fir-rigward tiegħu u ma jagħtuh l-ebda ċans li jmur jagħmel xi xogħol fil-komunità.
Hemm sitwazzjoni wkoll fir-rigward ta’ priġunieri li jinqabdu pożittivi għad-droga fl-urina fejn priġunieri huma xettiċi ħafna kemm kulħadd qed jingħata l-istess trattament meta jinqabad li jkun abbuża mid-droga.
Fl-aħħar xhur it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ħalliet l-għamad politiku jiddetta hu kif isiru l-affarijiet u dan qed iwassal mhux biss għal skuntentizza akbar fost il-priġunieri, iżda fl-istess ħin dan kollu qed iwassal biex il-Gwardjani jkunu dimotivati fil-qadi tad-doveri tagħhom.
Fil-fatt, komplew l-istess sorsi ta’ Il-Mument, tajjeb li wieħed jistaqsi x’ġara mill-każ tal-Maġġur li ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm suspetti kbar dwaru li qabbad tliet priġunieri Għarab biex jagħtu xebgħa lil priġunier Malti bi problema tad-droga li rriżulta li kien seraq lil ommu?
Kien ingħad li dwar dan il-każ kienet qed issir investigazzjoni serja iżda sal-lum ħadd għadu ma sar jaf l-eżitu ta’ dik l-investigazzjoni serja u jekk dan il-Maġġur fil-fatt itteħdux passi dixxiplinarji fil-konfront tiegħu.
//= $special ?>