Lokali Saħħa

Godfrey Farrugia kontra l-iffriżar tal-embrijuni

“Għax jien tabib, insalva l-ħajjiet u kontra l-qtil tal-embrijuni”. Hekk stqarr il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia waqt intervista fuq il-portal Newsbook.com.mt meta ġie mistoqsi dwar l-iffriżar tal-embrijuni. Farrugia qal li t-tabib huwa ‘life-saver’ u m’għandu qatt ikun il-bojja.

Fl-istess intervista Godfrey Farrugia stqarr ukoll li humiex wieħed u tnejn il-membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra li ma’ jaqblux mal-qtil tal-embrijuni fil-prinċipju.

Farrugia spjega li l-pożizzjoni tal-Grupp Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern għandha tiġi diskussa u titfassal fil-jiem li ġejjin.

Godfrey Farrugia mhuwiex l-ewwel deputat Laburista li tkellem kontra l-iffriżar tal-embrijuni. Id-Deputati Marlene Farrugia u Deborah Schembri diġa ddikjaraw d-dubji serji tagħhom dwar l-iffriżar tal-embrijuni u stqarru li huma kontra tibdil fil-liġi li jippermetti l-iffriżar tal-embrijuni.